“Ta’ xulxin għal dejjem” - espressjoni ta’ mħabba li spiss nisimgħuha b’referenza għal relazzjonijiet. Magħha norbtu wkoll espressjonijiet simili – ‘ir-raġel tiegħi’, jew ‘it-tfajla tiegħi’. Donnu hemm xi ftit l-idea ta’ pussess, u għalhekk ma nafx jekk nifhmux sew is-sinifikat ta’ din l-espressjoni.
Forsi naħsbu li l-persuni li mingħalina nħobbu issa saru tagħna, u allura nipposseduhom u nipretendu li joqgħodu għal dak li jidhrilna aħna? Forsi, għaliex “ta’ xulxin”, nimponu l-ideat u d-deċiżjonijiet tagħna fuq dawk li nħobbu? Forsi nagħlqu ’l xulxin f’kaxxa, minħabba l-biżgħat tagħna?
Jew li nħobbu ifisser li ngħixu “għal xulxin”? Li naħdmu għall-ġid ta’ xulxin, li nkabbru l-potenzjal ta’ xulxin u li ninkoraġġixxu l-espressjoni tal-kelma u l-ħsieb?
L-imħabba titlob fiduċja fil-persuni li nħobbu. Hi għotja għal xulxin f’kull ma ngħamlu, kuljum. Darba kien hemm omm li qaltli, li biex l-ikel jiġi itjeb, tinkludi kejl ta’ mħhabba mal-ingredjenti.
Għada Jum San Valentino. Ġurnata sabiħa għal min jixtieq jesprimi mħabbtu iżjed mis-soltu. U għala le? Xejn xejn fid-dinja mgħaġġla tal-lum, niefqu ftit biex napprezzaw lin-nies li aħna mdawrin bihom, napprezzaw kemm huma ‘mportanti għalina u aħna għalihom, u kemm l-imħabba għal xulxin tagħmel differenza f’ħajjitna.
Għalkemm it-tradizzjoni ta’ San Valentinu oriġinarjament kienet marbuta mal-maħbubin, reċentement din twessgħet, u f’xi pajjiżi bħall-Finlandja illum titqies bħala ġurnata tal-ħbieb. U xi ngħidu għal-nies oħra li nħobbu? Ulied, ġenituri u oħrajn?
* * *
Insomma... bħal kull sena, illum qabel norqod għad irrid nikteb nota t’aprezzament lil Lawrence u npoġġijielu fil-bagalja tax-xogħol biex isibha għada f’Jum San Valentino. Is-soltu, wara li jaqraha, nirċievi telefonata mingħandu. Ħa naraw din is-sena, nirċevijiex!
Tislijiet
Kate :)