Saturday, February 9, 2008

Rikonoxximent…

Jien niġi f’kuntatt ma ħafna nies u bħalissa aktar minn żminijiet oħra. Dalgħodu kont qed nitkellem ma’ omm ta’ żewġt itfal. Staqsietni nispjegalha x’inhi din il-proposta li ommijiet li jaħdmu barra mid-dar jibdew jiffrankaw sena taxxa għal kull wild li jkollhom.

Biex il-pajjiż jibqa’ sejjer ’l quddiem jeħtieġ aktar nies jagħtu l-kontribut fid-dinja tax-xogħol. F’Malta ħafna rġiel jaħdmu. Għandna inqas nisa minn irġiel jaħdmu barra mid-dar, u dan, għaliex fil-kultura tagħna, ir-responsabilità tad-dar u tal-familja, għadha primarjament f’idejn l-ommijiet.

L-inizjattiva li omm li taħdem barra mid-dar tiġi eżentata milli tħallas taxxa fuq il-paga għal sena għal kull wild li jkollha tirrikonoxxi l-kontribut kbir li n-nisa jistgħu jagħtu fl-ekonomija u fis-soċjetà, flimkien mal-kontribut li jagħtu lejn il-familja. Din l-inizjattiva għandha tgħin lil-irġiel jagħrfu l-potenzjal tal-mara u b’hekk, jinkoraġġuha tipparteċipa fid-dinja tax-xogħol, waqt li huma jagħrfu ukoll li jeħtieg jagħtu kontribut akbar fil-familja. Dan ifisser li l-ġenituri t-tnejn jeħtieġ li jieħdu responsabilità tal-familja flimkien max-xogħol li jkollhom barra mid-dar.

Tgħid din l-inizjattiva ser tħajjar aktar nisa’ biex jagħtu l-kontribut tagħhom fid-dinja tax-xogħol? Tgħid twassal għal bilanċ aħjar ta’ kif ir-responsabilitajiet tal-familja jinqasmu bejn in-nisa u l-irġiel?

Li tiffranka sena taxxa għal kull tifel jew tifla, ifisser li familji b’ġenituri li jaħdmu it-tnejn, u li jagħzlu li jkollhom aktar tfal, ser iħallsu inqas taxxi. Din il-miżura twassal ukoll għal aktar ġustizzja. Min għandu aktar tfal għandu aktar spejjeż, u allura din l-opportunità tindirizza din id-differenza.

Il-progress li għamel dan il-pajjiż qed ikompli jirrendi l-ġid lill-familji tagħna, u dan b’mod li jixhed sens ta’ ġustizzja soċjali. Aħna wkoll nistgħu nagħmlu l-parti tagħna biex dan il-pajjiż ikompli jimxi ’l quddiem.

Tislijiet

Kate :)

Pawlu ta’ Malta

Il-bieraħ kelli l-pjaċir napprezza wieħed mill-isbaħ xogħolijiet kulturali li jaf joffri t-talent Malti. L-Oratorju Pawlu ta’ Malta, mill-pinna ta’ Mro Charles Camilleri fuq lirika ta’ Prof Oliver Friggieri reġa’ ttella’ fil-Knisja ta’ Santa Tereża Birkirkara. Il-kant tas-solisti u tal-kor ikkumplimentat mill-orkestra flimkien ħolqu simfonija ta’ mużika, letteratura, reliġjon u kultura li fiha jispikka kemm aħna poplu bi tradizzjoni rikka u varjata.

L-attendenza sabiħa li, minkejja il-maltemp, attendiet għal dan ix-xogħol mużikali turi biċ-ċar kemm il-poplu Malti sar jaf japprezza dak li aħna stess kapaċi noffru. Dan l-Oratorju huwa biċċa xogħol oħra f’katina ta’ diversi rapreżentazzjonijiet kulturali.

Matul l-2007 il-poplu Malti kellu l-opportunità li jgawdi numru rekord ta’ kunċerti, opri u festivals fost oħrajn. Ħafna minn dawn ittelgħu f’postijiet storiċi li ħolqu atmosfera ferm addattata. Il-kunċert ta’ tenur Malti ġewwa l-Imdina, bil-Katidral fl-isfond, kien fost l-aqwa. Dar il-Mediterran għal-Konferenzi, it-Teatru Manoel, it-Teatru l-Imwaqqà, il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Ġgantija f’Għawdex u Kastilja kienu wħud mis-siti prestiġjużi f’pajjiżna li fihom stajna nitpaxxew b’tant sbuħija.

Mhux ta’ min jinsa l-kunċert ta’ mużika kontemporanja popolari fil-Valletta Waterfront li ġibed udjenza kemmxejn differenti, u l-kunċert li sar mill-MTV fuq il-Fosos tal-Furjana. Kunċert internazzjonali li ġibed ħafna Maltin u turisti, filwaqt li wassal lill-pajjiżna fid-djar madwar id-dinja permezz tat-televiżjoni.

L-Oratorju Pawlu ta’ Malta huwa eżempju ċar tad-drawwa ġdida fejn entitajiet kbar, fosthom banek ewlenin, qed jiffinanzjaw attivitajiet bħal dawn biex b’hekk jagħtu lura lill-komunità ftit minn dak li jkunu qalgħu mill-istess komunità.

Matul dawn l-aħħar snin, l-apprezzament ta’ dak kollu li hu kulturali f’pajjiżna ħa spinta ’l quddiem. L-impenn tal-Gvern, l-interess tas-settur privat kif ukoll tagħna lkoll huwa kruċjali biex dan jibqa’ jseħħ.


Tislijiet

Kate :)

Thursday, February 7, 2008

Sea Plane

Din il-ġimgħa kelli diversi attivitajiet ġewwa Għawdex. Il-Ħadd li għadda attendejt għaċ-ċeremonja tat-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-kulleġġ li bħalissa qed jinbena fir-Rabat.

Illum mort inżur it-Taqsima Speċjalizzata fl-Iskola Primarja tas-Sannat fejn saret Multi Sensory Area sponsorjata mill-HSBC Cares For Children Fund – proġett b’faċilitajiet li jgħinu lit-tfal jitgħallmu skond il-ħtiġijiet individwali tagħhom.

Peress li bħalissa mħabbta ħafna iżjed mis-soltu, iddeċidejt li nuża is-Sea Plane. Kelli kurżita` nara kif jaħdem dan is-Sea Plane u nammetti, kont ftit eċitata sa ma rkibt fuqu. Nassigurakom…esperjenza meraviljuża…li tirkeb ajruplan fuq l-ilma u fi ftit minuti issib ruħek fl-ajru. Mezz ta’ trasport li mhux komuni – attrazzjoni u kumdità.

Fi ftit minuti wasalna Għawdex mill-Belt Valletta. Apparti l-ħin li ffrankajt, kienet mawra sabiħa għax rajt is-sbuħija tal-Port il-Kbir, tal-kampanja fil-gżejjjer tagħna u l-baħar blu tal-madwar. Stajt nifhem kemm dan il-mezz ta’ trasport hu ta’ attrazzjoni għat-turisti li jiġu jzuruna. Mezz alternattiv biex igawdu s-sbuħija ta’ pajjiżna filwaqt li jivvjaġġaw komdi u f’iqsar żmien.

Għal Għawdex, bħala l-iżgħar gżira, il-mezzi ta’ trasport huma essenzjali. Fil-ħajja tal-lum, it-trasport effiċjenti huwa bżonn – kulħadd qed jgħix ħajja mgħaġġla. In-nies fil-business, li jitilgħu Għawdex fuq-xogħol - il-ħin tagħhom jissarraf fi flus; It-turisti jippreferu jivjaġġaw f’inqas ħin.

Permezz ta’ inizjattiva privata pajjiżna qed igawdi minn servizz ieħor ta’ trasport bejn il-gżejjer tagħna. Nirrealiżża x’impatt jista’ jagħmel l-investiment privat f’pajjiżna.

Tislijiet

Kate :)

Familja jew Xogħol?

Illum kont f’ħanut qed nistenna fil-kju biex inħallas ix-xirja. Bdejt inpaċpaċ ma’ mara li kellha tifla zgħira magħha u ġie l-kliem li hi kienet in-nanna tat-tifla u li kienet qed tieħu ħsiebha waqt li l-ġenituri kienu x-xogħol. Qaltli li ħasra li kieku wara tant sagrifiċċji u studju, missierha u ommha ma jkomplux bil-karriera tagħhom.

Din il-kwistjoni tal-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol hija bla dubju realta’ għal ħafna familji u ġenituri. Kif issib bilanċ m’hijiex faċli u naħseb li kullħadd jirrealizza li mhux in-nanniet kollha jistgħu jipprovdu dan l-appoġġ. Ħafna ġenituri jixtiequ li jkollhom xi persuna li jistgħu jafdaw biex teħdilhom ħsieb lit-tfal żgħar tagħhom.

Ħadt gost pero illi din il-mara qaltli hi stess li hemm xi opportunitajiet tajbin għal meta la hi, u lanqas il-ġenituri, ma jkunu jistgħu jieħdu ħsieb lit-tifla. Fil-fatt dan l-aħħar snin rajna ħafna żviluppi tajbin. Infetħu ċentri għat-tfal matul il-jum (child-care centres), kemm ta’ l-istat kif ukoll privati, li huma rregolati minn set ta’ standards maħrugin mill-Gvern biex jaċċertaw li, kemm dawk il-persuni li jieħdu ħsieb lit-tfal, kif ukoll il-post, huma addattati għal din il-funzjoni. Per eżempju ċ-ċentri tal-Gvern Smart Kids fil-Birgu u B’kara tgħidx kemm huma mfittxijin mill-ġenituri. Fil-jiem li ġejjin ser jinfetaħ ċentru tat-tfal f’Ħal-Luqa u għaddej ix-xogħol fuq ċentri oħrajn f’Raħal Ġdid, il-Għargħur u l-Qawra.

Illum ġenituri li jħallsu l-miżata biex jibagħtu ‘l uliedhom fiċ-ċentru ta’ matul il-jum, issa, jistgħu jiffrankaw parti mit-taxxa. Hemm ukoll l-appoġġ li jingħata lill-ġenituri bħal ma huwa l-parental leave, il-career breaks, ir-reduced hours u l-flessibilta` fuq ix-xogħol.

Kemm hu sabiħ li filwaqt li tagħti lit-tfal l-attenzjoni meħtieġa jkun hemm l-għażla u l-opportunitajiet biex il-ġenituri jibqgħu jimxu fil-karriera tagħhom. Għax fl-aħħar mill-aħħar dan kollu jistgħu jerġgħu jagħtuh lura lit-tfal.

Tislijiet


Kate :)

Wednesday, February 6, 2008

Raw Malta mill-Ajru

Dan l’aħħar, mort inżur id-dar-K.I.D.S fiż-Żejtun fejn it-tfal ħawwlu xi siġar. Veru ħadt gost għaliex is-siġar inħobbhom ħafna. Is-siġar ifissru ħajja u arja nadifa. L-hena tiegħi nħares lejn il-weraq ħodor ileqqu speċjalment wara x-xita.

Milux, iltqajt ma’ emigranti Maltin mill-Awstralja, li ġew iżuru lill qraba tagħhom f’Malta. M’hix l-ewwel darba li ġew. Il-mara ikkummentatli li din id-darba, waqt li kien nieżel l-ajruplan fuq Malta, innotat li kienu żdiedu s-siġar fil-pajjiż. Spjegatilha li f’dan l-aħħar sentejn tħawwlu 43,000 sigra. l-mira għal din is-sena 2008, hi li jitħawwlu 30,000 siġra oħra.

Il-kampanja “3 4 U” qed tirnexxi. Ħafna individwi, entitajiet privati u organiżazzjonijiet volontarji qed jipparteċipaw fil-kampanja ta’ tħawwil tas-siġar, addottawha u għamluha tagħhom. Ħafna nies xtraw siġar biex jitħawwlu f’postijiet publiċi. Bla dubju, qed tinħoloq kultura ġdida favur l-afforestazzjoni. Il-ħolma tiegħi hi li Malta titħaddar izjed, ikollha aktar siġar u tisbiħ. Nixtieq li l-Maltin ikollhom iżjed wesgħat bis-siġar biex igawdu s-serħan u arja nadifa tant meħtieġa f’din il-gżira żgħira, b’popolazzjoni hekk kbira.

Tislijiet

Kate :)

Monday, February 4, 2008

X'Jimpurtani?!

8 ta’ Marzu 2008 - Data ta’ l-elezzjoni f’Malta.

Kampanja oħra! Xogħol, taħbit u ġiri! Laqgħat, żjarat, attivitajiet u dibattiti galore! Eċitament u tħassib. Tensjoni ?..xi ftit ukoll. Responsabilta? ..ħafna.

Għaliex elezzjoni? Biex nagħzlu lil min nixtiequ li jmmexxina fil-ħames snin li ġejjin. Mexxejja b’direzzjoni li jgħinuna nkabbru l-kwalita’ tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, fl-oqsma tal-ekonomija, saħħa, edukazzjoni, xogħol u ambjent; fuq kollox - mexxejja li jrawwmu valuri ta’paċi u stabilita’ fil-familji tagħna u fil-pajjiż. Mexxejja li għax jemmnu fil-kapaċitajiet tagħna għandhom fiduċja fina u jinkoraġġuna nilqgħu l-isfidi taż-żminijiet.
Jimpurtani? Iva jimpurtani u għalhekk dejjem nivvota f’kull elezzjoni. L-vot hu għodda f’idejja, biex ngħażel jien, lil min nemmen li jista’ joffri l-aħjar garanzija ta’ gid għalija u għal uliedi. Hemm min jgħid, x’jimpurtani, ma nivvutax. Allura ngħid jien, dawn jixtiequ jħallu lil ħaddiehor jivvota għalihom?

Jien irrid inkun ċerta li l-vot tiegħi jagħmel differenza għall-aħjar. Iva, bil-vot tal-ġenituri tiegħi, Malta kisbet l- Indipendenza tagħha. Iva, bil-vot tiegħi meta kont żagħżugħa, inkisbu d-demokrazija u l-paċi fil-pajjiż .Iva, tlett snin ilu bil-vot tiegħi, Malta daħlet fl-Unjoni Europea. Issa, iva, bil-vot tiegħi fit-8 ta’ Marzu ser nistinkaw sabiex il-vot tagħna ikompli jiggarantixxi t-tisħiħ ta’ ekonomija soda, solidarjeta` soċjali u ambjent san.

Tislijiet
Kate :)