Saturday, March 1, 2008

L-anzjani f’Malta llum


Il-lum infetħet id-dar ta’ l-anzjani ‘Madonna tal-Mellieħa’. Dar verament sabiħa, ħolqa oħra fil-katina tad-djar għall-anzjani fil-komunità. Mhux ta’ b’xejn li l-anzjani jfittxu li jmorru jgħixu f’dawn id-djar. Apparti l-kenn u l-kumpannija li jsibu, huma jirċievu wkoll servizzi ta’ l-aqwa kwalità.

Xi ngħidu mbagħad għad-Day Centres. Sikwit inkun mistiedna għal xi attivitajiet f’dawn iċ-ċentri. Niltaqà ma’ anzjani kollha b’derha pulita, attivi u ħerqanin jieħdu sehem issa fl-isports, issa fl-arti u l-crafts, fil-kor u riċentement fl-użu tal-kompjuters provduti lilhom fiċ-ċentri. Ma jonqsux ukoll il-kura u t-terapija, kif ukoll is-servizzi spiritwali.

Kemm il-darba żort ukoll l-anzjani f’San Vincenz De Paule. Sena wara l-oħra ninnota kambjamenti għall-aħjar. Minflok blokok ta’ bini qadim telgħu oħrajn ġodda. Is-swali ġew attrezzatti b’sodod u għamara gdida. Sar tisbieħ fuq barra, inħolqot pjazzetta ħelwa u ġiet restawrata l-kapella. Is-servizzi mediċi u ta’ kura, flimkien ma’ servizzi ohra, tjiebu fil-kwalità. Addio l-istigma tal-passat!

F’San Vincenz de Paule, ser jinbena blokk ieħor ġdid fejn ser tingħata t-terapija neċessarja u speċjalizzata lill-anzjani, biex wara li jkun għamlu xi operazzjoni, jirriabilitaw ruħhom u jerġgħu jiksbu l-indipendenza tagħhom. F’ħafna każijiet dawn l-anzjani jirritornaw lura jgħixu f’darhom. Dan is-servizz ser jieħu post dak li kien jingħata fl-Isptar Zammit Clapp.

Il-Gvern, għax jemmen li l-anzjani għandhom jibqgħu igawdu darhom kemm jista’ jkun, joffri servizzi fil-komunità bħal home help, meals on wheels, telecare u nursing kif ukoll tiswija u manteniment tad-djar.

Ftit xhur ilu, l-Gvern nieda l-iskema ‘L-ispiżjar ta’ l-għażla tieghek’. Din digà bdiet titħaddem f’xi lokalitajiet, u l-ħsieb hu li sa l-aħħhar ta’ din is-sena, tinfirex għal lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex. Din l-iskema ntlaqgħet tajjeb ħafna speċjalment mill-anzjani u l-familjari tagħhom. Minbarra li permezz ta’ din l-iskema in-nies ser jiffrankaw il-ħin u l-kjuw, ser ikollhom aktar aċċess għal pariri siewja mingħand l-ispiżjar li ilhom jafu fil-komunità tagħhom.

Għandna nkunu kburin li f’Malta jeżistu servizzi ta’ l-aħjar kwalità biex l-anzjani jghixu hajjithom bl-ahjar mod possibli. Il-gvern issa beda’ jaħdem biex jgħeleb sfida oħra - li jgħin lill-anzjani jibqgħu attivi biex b’hekk jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fis-soċjeta.

Tislijiet
Kate :)

Friday, February 29, 2008

Xarabank…O E O !


Il-lejla Lawrence ser ikun fuq il-programm Xarabank fuq TVM. Il-programm ser jibda’ iżjed tard mis-soltu u bla dubju, ser nerġgħu ndumu mqajmin! Matul il-ġimgħat tal-kampanja irqadna dejjem tard. Nittama li meta jgħaddi kollox, jirnexxilna nirkupraw l-irqad li tlifna.

Nhar il-Ħamis 6 ta’ Marzu ser jixxandar mill-PBS l-aħħar dibattitu tal-kampanja bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti ewlenin f’pajjiżna. Bħall-lum u nhar il-Ħamis inkun fuq ix-xwiek u jkolli mitt sena sa ma Lawrence ilesti mill-programm

Forsi xi wħud jaħsbu, li dawn il-programmi huma faċli għal min jieħu sehem fihom, peress li dawn imdorrijin jitkellmu fil-pubbliku u allura jrabbu l-kunfidenza. Pero’ nassigurakom li dan mhux minnu. Kull darba, l-protagonisti jeħtieġ jippreparaw ruħhom sewwa għar-risposti, argumenti u kontenut.

Il-kampanja ta’ dawn iż-żminijiet hi bbażata ħafna fuq il-midja – ġurnali, rivisti, radju, television, websites u billboards

Dan ifisser li l-persuna esposta teħtieġ toqgħod attenta aktar mis-soltu għad-dehra tagħha. Jibdew il-pariri dwar ilbies, qomos, ingravajjet …iżda bla dubju l-attenzjoni primarja tiffoka fuq il-kontenut u l-messaġġ li jrid jitwassal lit-telespettaturi, semmiegħa u qarrejja.

Id-dmir u r-responsabilità tal-ġurnalisti hi li jesponu kemm jista’ jkun l-verità tal-fatti. Dan mhux xogħol faċli. Id-demokrazija titlob skrutinju u kredibilità kemm minn-naħa tal-mexxejja kif ukoll minn-naħa tal-gurnalisti.

Nixtieq nieħu l-opportunità nirringrazzja ’l-ġurnalisti u kull persuna nvoluta fil-midja għal kontribut tagħhom biex jgħaddu informazzjoni korretta u ġusta lis-soċjetà.

Tislijiet
Kate :)

We never had it so good ….

We never had it so good …. esprimiet waħda mill-kelliema dalgħodu meta komplejna niddiskutu s-suġġett tax-xogħol waqt il-progamm Ħin mal-Familja fuq Net TV.

Id-diskussjoni trattat diversi punti mid-dinja tal-impjiegi fosthom kif inbiddlu ċ-ċirkostanzi li fihom qed jiġi ġġenerat ix-xogħol, l-importanza tal-kontribut tal-mara fis-soċjetà u miżuri biex il-familja tibbilanċja aħjar bejn ir-responsabilitajiet differenti.

Ix-xogħol joffri dinjità lill-bniedem. Li nagħtu sehemna lill-ekonomija u lis-soċjetà iġibilna sodisfazzjon, apparti l-finanzi li huma ‘mportanti ħafna għal ħajja ta’ kwalità.

Dan kollu japplika ħafna għan-nisa wkoll. Illum numru ta’ nisa jagħżlu li jaħdmu barra mid-dar.Tradizzjonalment in-nisa kienu jaħdmu mid-dar tagħhom. Illum, minħabba li fl-Universita` hemm aktar studenti xebbiet milli ġuvintur, l-opportunitajiet jehtieg li jkunu miftuħin ukoll għan-nisa.

Li jeżistu l-opportunitajiet ma jiswa xejn sakemm ma jkollniex it-tagħrif u livell edukattiv biex nagħmlu l-aħjar użu minnhom. L-edukazzjoni neċessarja għax-xogħol ma tiġix biss mill-iskola. Il-familja għandha rwol essenzjalli biex trawwem valuri ta’ rispett u responsabilita’ biex uliedhom ikunu kapaċi jaħdmu bħala parti minn team fuq il-post tax-xogħol.

Il-preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol qed tieħu ukoll xejra aktar professjonali. Fl-iskejjel tagħna illum insibu persuni professjonisti biex flimkien mal-istudenti jiffukaw fuq l-għażliet li dawn iridu jagħmlu għall-karriera tagħhom. L-informazzjoni tgħin lill-istudenti biex jagħmlu għażliet infurmati u b’hekk ikollhom aktar ‘serħan il-moħħ’ dwar id-dinja tal-impjieg, li fi żmien ftit snin irridu jidħlu
fiha.


L-impenn tan-nisa fil-qasam tax-xogħol qed ikompli jiżdied għaliex illum il-familji għandhom diversi miżuri biex jgħinuhom jistabilixxu bilanċ tajjeb bejn ir-responsabilitajiet tal-familja mar-responsabilità tax-xogħol. Matul l-aħħar xhur, il-Gvern prezenti kompla wessa’ in-numru ta’ inizjattii favur il-familja għall-ħaddiema fis-settur pubbliku. Zdiedu ukoll l-inċentivi finanzjari.

Ma nistax ma nsemmix il-flexi time, reduced hours, beneficcji pro rata u tnaqqis fit-taxxa għal niesa li jerġgħu lura għax-xogħol wara li jkollhom tarbija. Ir-riżultati qed jidru. Matul dawn l-aħħar ftit xhur żdiedu b’il-fuq minn 1,000 in-nisa li jaħdmu.

F’sena nholqu 6,100 impjieg. Jezistu hafna opportunitajiet . Ejjew inkunu ppreparati biex naħtfu dawn l-opportunitajiet.

Tislijiet


Kate :)

Thursday, February 28, 2008

Biddilna n-natura tax-xogħol


Il-bieraħ kont preżenti taħt ‘it-tinda’ fil-pjazza tal-Kalkara għal diskussjoni rigward it-tema ‘Xogħol u Investiment’. Ma setax jonqos li fid-diskussjoni jisemma’ Smart City. Fil-fatt konna qrib ħafna tas-sit fejn ser jimbena dan il-proġett kbir.

Il-proġett Smart City jimmarka paġna ġdida fl-istorja ta’ pajjiżna kemm f’dak li hu ammont ta’ xogħol kif ukoll il-kwalità tax-xogħol. Għandna garanzija ta’ aktar xogħol, u xogħol aħjar. Smart City ser tiġġenera ’l fuq minn ħames t’elef impjieg. Ħafna minnhom ser ikunu fil-qasam tat-teknoloġija u l-informatika.

Dan il-proġett ser ikompli jsaħħaħ aspett ġdid li beda jiżviluppa f’pajjiżna - Xogħol ta’ natura differenti. Għamilna qabża mill-qasam tal-manifattura - li ma baqax vijabbli f’pajjiżna - għal diversi oqsma ta’ servizzi, fosthom dawk finanzjarji, tat-teknoloġija u kommunikazzjoni.

Qed isir ukoll ħafna investiment fit-taħriġ biex jipprepara lil dawk li jixtiequ jaħtfu dawn l-opportunitajiet, foshom fl-MCAST u issa fil-proġett Smart Women speċifikament għan-nisa. Permezz tat-taħriġ kull persuna, anki dawk li mhumiex żgħażagħ, qed ikollhom l-opportunita` biex jiżviluppaw il-ħiliet neċessarji biex jidħlu f’din id-dinja ġdida tax-xogħol.

U r-riżultati diġa` qed narawhom. Kumpanniji li sa ftit ilu kienu żgħar, bħal 6PM kibru b’ritmu qawwi, u joffru servizzi mhux biss f’Malta imma anki barra minn xtutna. Infetħu f’pajjiżna diversi call centres ta’ kumpanniji kbar, li ppreferew lill-Malta u ġabu l-operat tagħhom hawn minn pajjiżi oħra Ewropej.

Dan is-settur huwa ta’ importanza partikolari għal Għawdex. It-teknoloġija tgħeleb kull ostaklu fiżiku – ic-cokon t’Għawdex u l-fatt li hu mdawwar bil-baħar ma jtellef xejn. Dan qed jidher fin-numru t’opportunitajiet ġodda li nfetħu f’Għawdex, fosthom il-call centre tal-HSBC u uffiċċju ta’ l-istess 6PM.

Għalkemm matul dawn l-ahhar snin ix-xogħol żdied u nħolqu eluf ta’ impjiegi ġodda, kull sena jilħqu żgħażagħ oħra li jfittxu impjieg. Allura importanti li l-investiment jibqa’ ġej. U dan għaliex ma’ qasam wieħed igawdu qosma oħrajn ukoll. Smart City ser tiġġenera ukoll ħafna xogħol ta’ kostruzzjoni, u ser toħloq ħafna opportunitajiet f’setturi bħal ma huma it-tindif u l-manutenzjoni.

Tassew li l-ġid jiġġenera l-ġid. Nawgura li kull wieħed minna jkompli jagħti l-kontribut tiegħu biex jiġi ġġenerat aktar ġid f’pajjiżna.

Tislijiet,

Kate :)

Wednesday, February 27, 2008

Meta nagħtu, nirċievu ħafna.

Minn mindu kont żgħira dejjem attendejt xi għaqda volontarja. Kont nattendi l-għaqda tal-M.U.S.E.U.M fejn barra li għallmuna l-katekeżi kienu wkoll sikwit joħorġuna passiġġati u joħduna l-baħar. Peress li dak iż-żmien ħafna familji ma kellhomx karozza, aħna t-tfal konna nistennew dawn il-ħarġiet b’ħafna entużjażmu u ferħ.

Iżjed tard, bdejt immur ic-Ċentru Parrokkjali fejn kont niltaqa’ ma’ ħafna żgħażagħ oħra. Konna nqattgħu siegħat sħaħ hemmhekk, norgannizzaw dibattiti u diskussjonijiet fuq suġġetti varji, sports, discos, reċti u passiġġati. Kien żmien sabiħ fejn igwadanjana ħafna abilitajiet, ħbiberiji, personalità u valuri.

Minn ħmistax-il sena ’l hawn ilni nagħti l-kontribut tiegħi f’żewġ għaqdiet volontarji – Il-Fondazzjoni Richmond u l-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali - li joffru servizzi fil-komunità, fil-qasam tas-saħħa mentali.

Nikkonsidra wkoll il-ħin li niddedika fil-kamp tal-politika bħala kontribut volontarju għat-tisħiħ tad-demokrazija f’pajjiżna.

Is-soċjetà Maltija hi sinjura fil-volontorjat – għaqdiet mużikali, kultura, sports, sapport, ambjent, politika u ħafna oħrajn.

Mhux ta’ b’xejn li tant nies apprezzaw meta s-sena li għaddiet ġiet fis-seħħ il-Liġi tal-Volontorjat, liġi li tagħti qafas legali lill-għaqdiet volontarji (mhux governattivi). Il-Liġi tassigura għajnuna lill-għaqdiet, kif ukoll trasparenza u kontabilità.

B’riżultat ta’ l-istess liġi inħatar ukoll Kummissarju għall-Organizazzjonijiet Volontarji. L-għaqdiet huma mħajra jirreġistraw mal-Kummissarju billi jimlew applikazzjoni fuq www.mfss.gov.mt jew fl-uffiċċju tal-Kummissarju Blk C Belt is-Sebħ Floriana.

Din il-liġi u s-somma ta’ kwazi 9 miljun ewro mqassma lil uħud mill-għaqdiet volontarji matul dawn l-aħħar ħames snin, huma turija ta’ fiduċja u apprezzament minn naħa tal-Gvern għax-xogħol siewi li jagħmlu dawn l-għaqdiet fis-soċjeta Maltija.

Jien dejjem emmint fil-valur tal-volontorjat, u nħajjar lil kullħadd jipparteċipa f’xi għaqda volontarja. Meta nagħtu, nirċievu ħafna.

Tislijiet

Kate :)

Monday, February 25, 2008

Ntaffu l-uġieħ …

Xi ħaġa li lili tweġgħani ħafna huwa l-abbuż. Jeżistu diversi tipi t’abbuż. L-aktar li jweġġgħani huwa l-abbuż fuq it-tfal, sew jekk inhu sesswali, fiżiku jew emozzjonali. Abbużi fuq ommijiet u anzjani ukoll isewwduli qalbi.

Xi jġegħelna nweġgħu lit-tfal meta dawn jiddependu fuq il-ħarsien tagħna l-adulti, lin-nisa u l-irġiel li darba konna għażilna bħala l-maħbubin tagħna u lill-anzjani li rabbewna? Forsi l-egoiżmu, is-suppervja, esperjenzi negattivi, kultura u mentalità żbaljata? Kif nistgħu ngħinu biex inwaqqfu l-abbuż?

Fl-2006 il-Parliament għadda il-liġi dwar il-Vjolenza Domestika, li titratta l-abbużi fil-familja. Din il-liġi tipproteġi l-vittmi u tagħti l-possibilità ta’ trattament lil min joħloq l-abbuż. Permess ta’ l-istess liġi ġiet stabbilita il-Kummissjoni għal Vjolenza Domestika biex teduka u toħloq kuxjenza, tiddentifika l-abbuż, issir riċerka, tara li jinħolqu servizzi adekwati, torganizza t-taħriġ ta’ professjonisti li jaħdmu flimkien b’għan wieħed u tagħti pariri lill-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali. Dan huwa żvilupp importanti, iżda xorta baqa ħafna x’nagħmlu. Hemm bżonn li aħna wkoll nagħtu sehemna billi ma nittolleraw l-ebda forma ta’ abbuż, u nitolbu l-għajnuna għal persuni li huma vittmi b’xi mod jew ieħor.

Jeżistu abbużi oħra fis-soċjetà… meta ma ngħatux is-sigħat tax-xogħol li aħna mħallsa għalihom, abbużi ta’ min iħaddem u jisfrutta l-ħaddiema tiegħu, abbużi meta b’qerq nieħdu benefiċċji soċjali mhux mistħoqqa lilna, abbużi fi promozzjonijiet bi ħsara għal ħaddiehor.

Kemm hu sabiħ li nwettqu l-ġid fil-familji u l-kommunità. Ejjew nirrispettaw lil xulxin fil-familja, fuq ix-xogħol, fid-divertiment … kullimkien. Hu possibbli ninbidlu għall-aħjar. Il-weġgħat jistgħu jittaffew jekk infittxu l-għajnuna …u ħajjitna tkun aħjar.
Tislijiet,
Kate :)

Sunday, February 24, 2008

Il-valur veru … li tkun qrib in-nies

Il-bieraħ fil-għaxija attendejt attività tas-Soċjeta tal-Multiple Sclerosis ta’ Malta. Din l-attività ma kellha x’taqsam xejn mal-kampanja elettorali, li bħalissa qeda fl-aqwa tagħha u li qed timlielna kull mument ta’ ħajjitna. Iddeċidejt li nattendi din iċ-ċena, li ġiet organizzat biex is-soċjetà tiġbor il-flus, sabiex nuri l-appoġġ tiegħi għax-xogħol siewi li tagħmel din l-għaqda mhux governattiva. Il-flus miġbura jintużaw biex jingħataw servizzi lill-membri li jbgħatu min din il-kundizzjoni.

Il-Multiple Sclerosis taffetwa is-sistema ċentrali tan-nervaturi tal-ġisem li tirriżulta f’diffikultajiet ta’ vista, kordinament u mobilità. Dawk il-persuni li jbgħatu minn din il-kundizzjoni jistgħu jesperjenzaw għejja, ħafna uġieħ u diffikultà biex jitkellmu. Fost l-aktar servizzi mportanti li toffri is-Soċjetà tal-Multiple Sclerosis hemm il-fiżjoterapija għall-persuni affettwati u l-psikoterapija għall-familji tagaħhom.

L-attività, li saret f’waħda mill-isbaħ lukandi li hawn f’Malta, kellha attendenza tajba. Ħadt ħafna gost niltaqa’ ma’ ħafna minn dawk preżenti. Qgħadt nisma’ id-diffikultajiet li l-MS tikkawża lilhom, lill-familjari u l-carers tagħhom, speċjalment meta tkun fi stadju avvanzat.

Hemmhekk għaraft il-valur tal-politika, ‘l bogħod mit-tixjir tal-bnadar, fil-ħajja personali tal-individwi u l-familji li qed jgħixu bl-isfida ta’ din is-sitwazzjoni li tikkundizzjonalhom ħajjithom.

Hemmhekk tifhem aħjar kemm hu mportanti li pajjiżna jiġġenera il-ġid biex inkunu nistgħu nipprovdu servizzi ta’ saħħa ta’ kwalità, għajnuna adekwata għal-persuni skond il-ħtiġijiet tagħhom, u għall-għaqdiet volontarji li jipprovdulhom l-appoġġ.

Qabel ma tlaqt offrewli warda sabiħa b’ringrazzjament għall-attendenza tiegħi. Xtqat kieku nrodd il-warda lura lill-presidenta tal-għaqda ghax xoghol siewi li twettaq. Grazzi

Tislijiet
Kate :)