Saturday, February 16, 2008

Toħroġ kandidat … reponsabilità, vokazzjoni u impenn.

Nhar l-erbgħa 13 ta’ Frar għalqu l-applikazzjonijiet għall-kandidatura ta’ l-elezzjoni ta’ Marzu 2008. B’kollox ser jieħdu sehem 260 kandidat.

Mhux faċli għall-mexxejja tal-partiti li jikkonvinċu persuni integri u bil-ħiliet neċessarji biex jiddedikaw ruħhom fil-kamp politiku. Ħafna drabi, persuni b’dawn il-kwalitajiet isibuha diffiċli jidħlu għal dan l-impenn għaliex il-politika tinvolvi ħafna sagrifiċċji, xogħol u ħin; tesponi lill-kandidati u lill-familji tagħhom għal skrutinju pubbliku; u tirrikjedi kompetizzjoni ma’ kandidati oħrajn.

Meta fl-1986, Lawrence ġie mitlub joħroġ bħala kandidat tal-Partit Nazzjonalista, hu dam jaħsibha ħafna jekk kellux jidħol għal dik ir-risponsabiltà. Beda jittama li jkun hemm ħaddieħor li jidħol għal dan l-impenn minfloku. Iżda prinċipji li kien jemmen fihom u li dak iż-żmien kienu mhedda, tawħ raġuni tajba biżżejjed biex jikkunsidra li jagħti sehemu bis-serjetà. Kienet sejħa u obbligu li ma setax jaħrab minnhom.

Meta s-sena l-oħra, konna Berlin għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma, ħassejtni kommossa ħafna meta rajt il-fdalijiet tal-ħajt ta’ Berlin. Ħajt, li għal kwazi nofs seklu, kien simbolu ta’ diviżjoni f’l-Ewropa. U issa, 50 sena wara, l-istess Berlin laqgħet fiha kapijiet minn 27 pajjiż Ewropew, flimkien komessi għat-tħaddin ta` prinċipji ta’ demokrazija, paċi u solidarjetà. X’differenza pożittiva! Din hi id-differenza li politiċi integri kapaċi jġibu fl-Istorja! Kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna nies, il-politika hija vokazzjoni nobbli! X’sodisfazzjon għall-kandidati li bl-‘iva’ tagħhom jgħinu biex isseħħu bidliet għall-aħjar fl-istorja ta’ l-umanità!

Tislijiet

Kate :)

Thursday, February 14, 2008

Għażiża Celine ….

L-aħbar tal-mewt tiegħek smajt biha b’kumbinazzjoni, l-bieraħ, fuq ir-radju.

Ħassejt vojt u dieqa f’qalbi għaliex int, mingħajr ma taf, kont sirt esperjenza f’ħajti. It-telefonati tiegħek, fejn ħafna drabi qsamt miegħi il-beżgħat u t-toqol tal-mard tiegħek kienu skola ta’ għerf għalija. Minkejja li l-mard tiegħek kien fit-tul u diffiċli, il-manjieri u l-kliem tiegħek baqgħu dejjem ħelwin. Meta kultant kont tħossok xi ftit aħjar, kont iċċempilli, ferħana, u nidħqu b’xi ċajta wkoll. Sirna ħbieb allavolja rari ltqajna.

X’ħin smajt il-ħin li kellha ssir il-quddiesa tal-funeral tiegħek, mal-ewwel irrealiżżajt li ser ikun impossibbli għalija li nattendi għax kelli attivita` oħra fl-istess ħin. Xtaqt ħafna li nkun viċin tiegħek għall-aħħar darba.

B’xi mod irnexxieli niġi ċ-ċimiterju għal ftit ħin; ma stajtx ma nsellimlekx. Issa nħossni aħjar għax naf li inti issa qed tistrieħ.

Grazzi Celine…

Tislijiet

Kate :)

Wednesday, February 13, 2008

Ta’ xulxin jew għal xulxin?


Ta’ xulxin għal dejjem” - espressjoni ta’ mħabba li spiss nisimgħuha b’referenza għal relazzjonijiet. Magħha norbtu wkoll espressjonijiet simili – ‘ir-raġel tiegħi’, jew ‘it-tfajla tiegħi’. Donnu hemm xi ftit l-idea ta’ pussess, u għalhekk ma nafx jekk nifhmux sew is-sinifikat ta’ din l-espressjoni.

Forsi naħsbu li l-persuni li mingħalina nħobbu issa saru tagħna, u allura nipposseduhom u nipretendu li joqgħodu għal dak li jidhrilna aħna? Forsi, għaliex “ta’ xulxin”, nimponu l-ideat u d-deċiżjonijiet tagħna fuq dawk li nħobbu? Forsi nagħlqu ’l xulxin f’kaxxa, minħabba l-biżgħat tagħna?

Jew li nħobbu ifisser li ngħixu “għal xulxin”? Li naħdmu għall-ġid ta’ xulxin, li nkabbru l-potenzjal ta’ xulxin u li ninkoraġġixxu l-espressjoni tal-kelma u l-ħsieb?

L-imħabba titlob fiduċja fil-persuni li nħobbu. Hi għotja għal xulxin f’kull ma ngħamlu, kuljum. Darba kien hemm omm li qaltli, li biex l-ikel jiġi itjeb, tinkludi kejl ta’ mħhabba mal-ingredjenti.

Għada Jum San Valentino. Ġurnata sabiħa għal min jixtieq jesprimi mħabbtu iżjed mis-soltu. U għala le? Xejn xejn fid-dinja mgħaġġla tal-lum, niefqu ftit biex napprezzaw lin-nies li aħna mdawrin bihom, napprezzaw kemm huma ‘mportanti għalina u aħna għalihom, u kemm l-imħabba għal xulxin tagħmel differenza f’ħajjitna.

Għalkemm it-tradizzjoni ta’ San Valentinu oriġinarjament kienet marbuta mal-maħbubin, reċentement din twessgħet, u f’xi pajjiżi bħall-Finlandja illum titqies bħala ġurnata tal-ħbieb. U xi ngħidu għal-nies oħra li nħobbu? Ulied, ġenituri u oħrajn?

* * *
Insomma... bħal kull sena, illum qabel norqod għad irrid nikteb nota t’aprezzament lil Lawrence u npoġġijielu fil-bagalja tax-xogħol biex isibha għada f’Jum San Valentino. Is-soltu, wara li jaqraha, nirċievi telefonata mingħandu. Ħa naraw din is-sena, nirċevijiex!

Tislijiet

Kate :)

Tuesday, February 12, 2008

Skart Prezzjuż

Żort xi skejjel primarji u kont impressjonata kemm it-tfal qegħdin isiru konxji tal-ambjent. It-tfal bdew ifhemuni fuq suġġetti ambjentali bħal separazzjoni ta’ l-iskart, riċiklaġġ, konservazzjoni ta’ l-ilma u l-impatt tat-tibdil fil-klima. Dawn it-tfal qegħdin jipparteċipaw fil-Programm EkoSkola, programm li jħeġġeġ lit-tfal jieħdu sehem attiv favur l-ambjent fl-iskola, fid-dar u fil-komunita`.

Sirt naf li hemm madwar 72 skola madwar Malta u Għawdex jieħdu sehem f’dan il-programm. Is-sehem tagħhom favur l-ambjent qed jinfluenza anke lill-kbar. It-tfal qed jgħallmu lill-ġenituri jibżgħu għall-ambjent. Tant hu hekk li kien hemm omm preżenti li qaltli ‘it-tifla tiegħi kontinwament għassa miegħi tara xi tfajt fid-dustbin!’ Għedt bejni u bejn ruħi ‘tajjeb..u jien dejjem indur ġol-kmamar tagħna għassa x’tefgħu biż-żball ġo d-dustbins. Daqqa nsib xi container tax-shampoo, xi flixkun zgħir tal-fwieħa, xi kaxxa tal-kartun.”

Jien ukoll konxja li għandi nissepara l-iskart. Fil-kċina għandi basktijiet għall-karti, plastik, ħġieġ u metall, u fil-ġnien għandi rokna fejn nagħmel il-kompost minn fdalijiet tal-ħaxix. L-iskart isseparat nieħdu fil-bring in sites li għandna f’Wied il-Għajn, bħal ma hemm f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Jeżistu il-fuq minn 200 bring in sites madwar Malta u Għawdex u 200 oħra fl-iskejjel.

L-iskart li jinġabar mill-bring-in-sites jitwassal fl-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin. Hemmhekk, tipi differenti ta’ l-istess materjal jiġu separati minn xulxin ( plastik trasparenti minn plastik kulurit etc). Kull tip ta’skart, ħlief il-ħġieġ, jinbiegħ biex jiġi riċiklat. Il-karta ukoll tinbiegħ lokalment biex tintuża għat-trobbija tal-annimali. Evidenza li l-iskart huwa riżorsa.


Interressanti wkoll li anki l-fdalijiet tal-ikel għandu valur. Il-gass li joħroġ mill-iskart organiku, fil-proċess biex jiġi mibdul f’kompost, ser jintuża biex tiġi ġġenerata l-enerġija elettrika. Huwa maħsub li b’hekk ser jiġi prodott l-ekwivalenti tal-konsum ta’ 1,400 familja ta’ erba’ persuni! Dik energija alternattiva! Dak skart prezzjuż!

Ir-riforma tal-ġbir ta’ l-iskart li ser tibda fl-aħħar ta’Marzu li ġej ser tkompli tgħinna nagħmlu użu aħjar minn dan ir-risorż ġdid li skoprejna. Ser jintbagħtu f’kull dar, boroż speċjali għas-separazzjoni ta’ l-iskart, li jiġu miġbura minn wara l-bieb tad-djar darba fil-ġimgħa. Issa żgur m’hux ser ikollna skużi! L-iskart hu prezzjuż, għalhekk jaqbel li nirriċiklawħ.


Tislijiet

Kate :)

Monday, February 11, 2008

Jimpurtana ... Ma Tlaqniex !

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet infetaħ għall-pubbliku l-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin. Kif tafu, dan qiegħed biss ftit passi l-bogħod minn fejn noqogħdu aħna f’Marsascala. Dan il-proġett għal snin twal ħoloq polemiki, taħdidiet, ilmenti u opinjonijiet bejn residenti, għaqdiet u entitajiet. Sa ħargu diċeriji li aħna tlaqna mid-dar u morna noqogħdu x’imkien ieħor biex naħarbu l-iskomdu tal-impjant. Fejn ma qalux li morna noqogħdu? ...Hal-Qormi, tas-Sliema; saħansitra, anki fil-Parlament kien hemm min iddikjara li aħna xtrajna art fin-Naxxar biex immorru ngħixu l-bogħod mir- riċiklaġġ. Aħna ma tlaqniex!

Jiena nifhem il-preokupazzjoni tar-residenti u l-ġirien tagħna. Meta smajt li l-impjant ser jiġi modernizzat, jiena wkoll fittixt informazzjoni biex inkun naf x’tibdil kien ser isir u x’impatt jista’ jħalli fuq l-ambjent u r-residenti. Skoprejt kif ser taħdem din it-teknoloġija ġdida għall-immaniġġjar tal-iskart. Ħafna min-nies li ġew iżuru l-impjant kienu sorpriżi b’din it-tekonoloġija. Xi ħaġa ferm differenti mill-miżbla li xi wħud ħasbu li kien. Matul dawn jumejn il-pubbliku apprezza l-ewwel fażi tal-impjant li bdiet topera riċentement. Din ser titratta 36,000 tunnellata ta’ skart reċiklabbli kull sena, fosthom dak mill-bring-in-sites li għandna fil-lokaliajiet different. Parti oħra se titratta 35,000 tunellata ta’ skart organiku li jiġi ġġenerat mid-djar. Dan ifisser li b’kollox is-sit ser jitratta 71,000 tunnellata ta’ skart fis-sena!

Nifhem li meta persuna tisma’ dawn in-numri tista’ tallarma ruħha, speċjalment jekk tgħix fl-akwati tal-impjant bħali. Pero, meta naf, li l-impjant ser ikun qed jitħaddem fuq regoli ambjentali retti tal-Unjoni Ewropea, bħal impjanti simili li jitħaddmu f’pajjiżi oħra, jiena nserraħ moħħi.

Meta, fuq it-televiżjoni nsegwi l-problema enormi tal-iskart fit-toroq ta’ Napli, napprezza, bil-kbir, l-importanza tal-impjant tar- riċiklaġġ!

Tislijiet

Kate :)

Sunday, February 10, 2008

Kemm, jekk jogħġbok?

Dalgħodu mxejna matul is-suq fir-Rabat, Malta. Minkejja li s-sema sebħet imsaħħba u raxxet xi ftit xita ukoll, kien hemm numru konsiderevoli ta’ nies jixtru. Suq hu dejjem popolari għax għażla kemm trid - ħwejjeġ, affarijiet għad-dar, oġġetti antiki, diski, kotba, ikel, ħaxix u frott.

Tkellimt ma’ xi nisa anzjani u staqsejthom jekk drawx jixtru bl-Ewro. Waħda bi tbissima weġbitni li drat u m’għandhiex diffikultà. Pjuttost, kważi qaltli "Xi ħsibt? Li minix kapaċi jien ukoll?". Innotajt persuni jħallsu bl-Ewro qishom ilhom jużawha għomorhom u mhux xahar biss. Kultant tara lil xi ħadd jgħodd il-bqija, darba, darbtejn u jgħaddi xi kumment ukoll. Imma huwa normali li wieħed jagħmel hekk. Wara kollox, persuna dejjem trid toqgħod attenta x’qed tonfoq!

Nammetti, li din il-bidla xi ftit affettwat lili wkoll. Fl-ewwel ġimgħa kont inħabbel naqra moħħi u nikkalkula l-prezzijiet mill-Ewro għall-Maltin biex nara kemm qed inħallas. Mal-ħajt fil-kċina dendilt lista ta’ xi prezzijiet bl-Ewro ta’ oġġetti li nixtri minn wara l-bieb - bħal ċilindru tal-gas jew ħobża Maltija.

Kont naħseb li l-aktar li ser idumu biex jidraw il-munita l-ġdida huma l-anzjani. Imma minn dak li qaluli dalgħodu jidher li ħafna minnhom diġa' draw. Dawk li għadhom isibuha xi ftit diffiċli dejjem isibu l-għajnuna ta’ xerrejja oħra jew mingħand il-bejjiegħa stess, għax jagħrfu kemm hu importanti li jibżgħu għall-klijenti tagħhom.

Ħafna Maltin għarfu l-importanza tal-munita Ewro u għenu biex jiffaċilitaw il-bidla. Id-“dual display” għal kull oġġett, jiġifieri li turi ż-żewġ prezzijiet – flus Maltin u Ewro, sewa ħafna għax b’hekk ingħata ż-żmien biex aħna nifhmu aħjar il-valur u nidraw il-bidla tal-munita f’pajjiżna.


Tislijiet


Kate :)