Thursday, March 6, 2008

L-Għażla f’idejna.

Il-lum f’nofs il-lejl jieqfu l-meetings u d-dibattiti fil-pubbliku, sabiex għada l-Ġimgħa, fil-kwiet nirriflettu fuq dak li smajna matul il-kampanja elettorali.

F’dawn l-aħħar ħames snin, saru ħafna proġetti, u investiment qawwi fl-oqsma tas-saħħa, edukazzjoni, ambjent u xogħol. Daħlet il-munita Ewro, ċertifikat li l-finanzi qegħdin fis-sod. Matul din il-kampanja ingħata tagħrif dwar il-kisbiet kbar li saru dawn l-aħħar snin fuq www.maltarightnow.com u www.lawrencegonzi.info .

Iż-żewġ partiti l-kbar ippreżentawlna l-programmi elettorali tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jibni fuq dak li bena tul din il-leġislatura u hekk, jassigura aktar ġid li jgawdi minnu kulħadd. Għandu viżjoni ta’ fejn irid jasal il-pajjiż sal-2015. Jemmen fil-hiliet u l-abilitajiet tagħna l-Maltin. Jemmen fil-potenzjal ta’ l-individwu u ta’ pajjizna. Jemmen li flimkien ‘kollox possibli’.

Il-Partit Laburista jiprometti bidu ġdid, ma jridx ifakkar x’kienu r-riżultati tas-sentejn li fihom iggverna meta, fost l-oħrajn ma qablix mas-shubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Joffri manifest elettorali bi kliem generali li jħalli ħafna lok għal interpretazzjoni. Jagħti l-impressjoni li ‘jekk inkunu fil-Gvern, imbghad naraw’.

Imma mhux il-kliem joghod, il-fatti! Id-differenza bejn iż-żewġ partiti hi ċara daqs il-kristall! X’inhi l-ghazla taghna?

Inti ser tmur tivvota, jew ser thalli lil ħaddiehor jivvota u jagħżel minflokok għax ma jimpurtakx?

Nifhmu li jekk ma nivvutawx, inkunu qed ngħinu partit ieħor biex jiggverna?

Nirrealizzaw li l-vot hu għodda f’idejna biex nagħżlu lil min ser immexxina min nhar it-Tnejn ’l quddiem, għall-ħames snin li ġejjin?

Iddeċidejna liema partit hu l-iżjed kapaċi jgħina niffaċċjaw l-isfidi ta’ kuljum biex ngħixu ħajja ta’ kwalità fil-familja, fl-istudju, fix-xogħol, fir-rikreazzjoni u fl-irtirar?

X’jaqblilna nagħżlu, lil min jemmen fil-ħiliet tagħna jew lil min jaqtalna qalbna għax m’għandux fiduċja fina?

Nafu li jekk l-ekonomija ma tkunx soda, ikun diffiċli nsostnu s-servizzi tas-saħħa, l-għajnuniet soċjali u edukazzjoni progressiva?

Nifhmu li il-ġid komuni hu ġid għalina, għall-familja, għall-Maltin u għall-umanità?

Nawgura għażla ta’ ġid
Tislijiet

Kate :)

Residenza Fil-Komunita`

Din il-ġimgħa żorna dar ġdida tal-Aġenzija Sapport f’Bormla. Id-dar jisimha ‘Andrew’ b’unur għal wieħed mir-residenti tas-Sapport li minn ftit ġimgħat ‘l hawn m’ghadux maghna.

Dan l-isem fih innifsu jixhed id-dedikazzjoni ta’ l-Aġenzija Sapport għax-xogħol li tagħmel fil-komunità ma’ persuni li għandhom bżonn is-servizz tagħha.

Sa ftit snin ilu, persuni b’diżabilità kienu jiddependu għal kollox mill-ġenituri tagħhom sakemm dawn kienu għadhom ħajjin. Ħafna ġenituri, b’riżultat ta’ l-imħabba kbira lejn uliedhom b’diżabilità kienu jiproteġuhom u jżommuhom lura. Meta l-genituri kienu jiġu nieqsa jew ma jkunux jistgħu jieħdu aktar ħsieb ta’ l-ulied b’diżabilita`, ħafna drabi l-ulied kienu jispiċċaw f’djar għall-anzjani anki jekk ikun għadhom ta’ età żgħira.

L-Aġenzija Sapport twaqqfet fl-2001 biex tgħin lill-persuni b’diżabilità biex jgħixu u jipparteċipaw fil-kommunità, filwaqt li tagħti appoġġ lill-familji tagħhom. Dan tagħmlu permezz ta’ diversi servizzi, fosthom dak ta’ l-assistenti personali li jgħinu lill-persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu mall-familja, fid-djar tagħhom stess. B’hekk, genituri anzjani jew genituri li jkollhom impjieg barra mid-dar ikunu jistghu jserrhu mohhom li uliedhom b’dizabilita` qed jircievu l-ghajnuna mehtiega mill-assistenti personali taghhom.

Filwaqt, li l-Aġenzija Sapport temmen li l-aħjar post għal persuni kollha huwa id-dar mal-familja tagħhom, dan mhux dejjem ikun possibli. Ir-residenzi fil-kommunità huma l-eqreb alternattiva għad-dar tal-familja. Dawn id-djar u appartamenti żgħar li jieħdu minn erbgħa sa’ seba’ min-nies jitmexxew mir-residenti stess bl-għajnuna tal-assistenti tagħhom. Fil-proċess, ir-residenti jitgħallmu jagħmlu l-affarijiet bażiċi bħal imorru jixtru, jirkbu karozza tal-linja, u uħud minnhom anki imorri għax-xogħol.

L-Aġenzija Sapport tagħti appoġġ lill-familji tal-persuni b’diżabilità u toħloq familji ġodda għal-dawk il-persuni b’diżabilità li għal raġuni jew oħra ma jistgħux jgħixu fil-familji tagħhom. B’hekk, persuni b’diżabilità jkollhom id-dinjità tagħhom imħarsa, u l-ġenituri jkollhom moħħom mistrieħ bis-servizzi tal-Aġenzija Sapport.

Tislijiet

Kate :)

Tuesday, March 4, 2008

Servizz bi Tbissima

Servizz bi tbissima….rekwiżit essenzjali fil-qasam tat-Turiżmu. It-turist iħallas għas-servizz li jirċevi u għalhekk jistenna li jingħata pakkett ta’ kwalità li jħallilu memorji pjaċevoli tas-safra tiegħu. Turist sodisfatt jaf jerga’ jiġi u anke jirriklama pajjiżna b’mod pożittiv lil ħbieb u familjari tiegħu.

Is-suċċess ta’ l-industrija tat-turiżmu jiddependi minn ċerti fatturi li mhux dejjem ikollna kontrol fuqhom. Bla dubju pero`, jekk kullħadd jagħti sehmu, jirnexxilna negħlbu ħafna sfidi, fosthom il-kompetizzjoni. Kulħadd hu responsabbli għal dan is-success f’Malta u Għawdex – il-Gvern, l-Awtorità tat-Turiżmu, ħaddiema fil-portijiet ta’ l-ajru u l-baħar, xufiera tat-taxis, coaches, karozzi tal-linja u karozzini, propretarji ta’ lukandi, flats u restoranti, sidien ta’ ħwienet, gwidi…. kull ċittadin.

Is-sena 2007 ġiet deskritta min Francesco Frangialli, segretarju ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu bħala “sena brillanti” għall-industrija tat-turiżmu f’Malta. Anke l-Eurostat ikkonfermat li fit-2007 iż-żieda fir-rata tat-tkabbir f’Malta hi l-għola waħda fl-Unjoni Ewropea.

Dan it-tkattir nistgħu nattribwuħ għall-finanzi kbar investiti mit-taxxi tagħna u mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea; għall-kontribut ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu li qed timplimenta il-Pjan ta’ Strategija biex tkabbar is-suq u l-kompetitività li jinkludi fost oħrajn il-ħolqien tal- portal Visit Malta.com li ġibet miljun u nofs viżitatur u il-low cost carriers; għall-ħidma tal-għaqdiet non governattivi; għall-kalendarju ta’ attivitajiet kulturali, sportivi u mużikali u għar-riklam tal-wirt storiku, baħar u natura, flimkien mal-karatteristiċi uniċi fil-gżejjer tagħna.

Ħafna minna l-Maltin niddipendu fuq it-turisti għall-għixien tagħna. Ejjew nibżgħu għat-turiżmu f’Malta għax hu settur fraġli. Ejjew nagħmlu ħilitna biex ngħollu l-livell tal-prodott Malti u nagħtu servizz bi tbissima ….”Welcome to Malta and Gozo.”

Tislijiet

Kate :)

Monday, March 3, 2008

Monument għat-Tfal Maltin Emigranti

Meta s-sajf li għadda tlajt ma’ Lawrence l-Awstralja biex niltaqgħu mal-komunità Maltija t’hemmhekk, waħda miċ-ċeremonji li l-iżjed ħallitni kommossa kienet dik li saret f’Freemantle Port, ’l barra minn Perth, ħdejn monument iddedikat lit-300 tifel u tifla Maltin, li ta’ età żgħira ħallew lill-familji naturali tagħhom warajhom biex isibu futur ġdid ġo l-Awstralja.

Fil-port ta’ Freemantle fejn kien jittrakka dak iż-żminijiet il-vapur mal-wasla tiegħu fl-Awstralja, il-monument b’tifel u tifla żgħar bil-bagalja tas-safar f’idejhom, hu impressjonanti ħafna. Wieħed jempatizza l-effetti negattivi tat-trauma psikoloġika fuq dawn it-tfal il-bogħod minn familthom u x-xtut Maltin.

Il-bieraħ fl-għaxija wara l-meeting kont preżenti għal ċerimonja oħra b’dedikazzjoni ta’ monument ġdid għal dawn l-istess tfal emigranti. Din id-darba konna Pinto Wharf, (illum magħruf bħala VISET) fil-port tal-Belt Valletta, minn fejn kien jitlaq il-vapur bl-.istess tfal emigranti. Dan il-monument f’forma ta’ vapur tal-karti huwa biċċa arti verament sabiħa li tirrapreżenta is-sempliċità, il-fraġilità u l-vulnerabilità tat-tfal.

X’differenza llum! Kemm inbidlu ċ-ċirkostanzi! Għal Grazzja t’Alla, l-maġġoranza tal-familji Maltin jistgħu jsibu l-għixien tagħhom f’din id-daqsxejn ta’ gżira żgħira tagħna!

Kemm sar hawn opportunitajiet għat-tfal tagħna! …skejjel sbieħ, edukazzjoni ħolistika u inklussiva; faċilitajiet sportivi, rikreattivi, kulturali u terawpetiċi; aċċessibilità għat-teknoloġija; kura tas-saħħa!

Riċentiment, il-Kummissarju tat-Tfal nehdiet Manifest għat-Tfal b’rakomandazzjonijiet li jkopru diversi oqsma fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ambjent. Il-kummissarju tisħaq li għandna ninvestu fit-tfal tagħna għax is-soċjetà taħsad fil-futur dak li niżirgħu illum fit-tfal tagħna.

Dan il-monument sar f’impenn biex tingħalaq storja ta’ weġgħat li esperjenzaw it-tfal Maltin 50 sena ilu ’l bogħod minn xtuthom f’Malta. Illum fostna għandna tfal li telqu minn pajjiżhom minħabba faqar, ġlied u inġustizzji oħra biex ifittxu futur aħjar f’pajjiżna.
Ejjew nitgħallmu minn żbalji li saru fil-passat minkejja intenzjonijiet tajbin, u naraw li ssir ġustizzja mat-tfal, fil-pajjiżi kollha, imma speċjalment f’pajjiżna stesss.

Tislijiet

Kate :)

Sunday, March 2, 2008

Impressjonanti …. u pjaċevoli


Dalgħodu bdejna aktar kmieni mis-soltu, imma ma ddispjaċini xejn, għaliex bdejna il-ġurnata b’żewġ postijiet tassew interessanti u pjaċevoli.

Ftit ’l barra mir-Rabat iltqajna ma’ familja fir-razzett tagħhom fejn irabbu l-baqar għall-ħalib u għal-laħam tagħhom. Immeraviljawni fuq kollox l-indafa fil-post u l-proċess li biħ jinħalbu l-baqar u jiġi preżervat il-ħalib. M’għandhom x’jaqsmu xejn ma dak kollu li jgħaddi minn moħħ ħafna minna meta nirreferu għal razett.

Il-familja li żorna għarfet tieħu dawk l-opportunitajiet ta’ fondi li toffri l-Unjoni Ewropea, biex immodernizzaw l-ażjenda tagħhom, u anki irċevew taħriġ barra minn Malta.

L-investimeni li sar fil-makkinarju li biħ jinġabar il-ħalib iffisser li illum il-baqar jinħelbu permezz tal-magni, u l-ħalib jgħaddi minn sistema ta’ pajpijiet biex jiġi ppasturizzat u jibqa’ sejjer dritt fil-bowser li jwasslu biex jiġi ppakkjat fil-kartun għall-konsumatur. Dan il-proċess, li jsir b’ makkinarju ta’ l-għola livelli, jelimina kull possibilità li l-ħalib jiġi kkontaminat.

U xi ngħidu għall-indafa! Il-post jiġi mnaddaf bil-magni regolarment, u l-livell tal-indafa huwa għoli ħafna. Lanqas tinduna li tkun qiegħed f’razzett.

Pero, fuq kollox, laqtuni ir-rispett u l-imħabba li din il-familja għandhom għall-annimali li jrabbu. Tassew li din iż-żjara kienet esperjenza impressjonanti.

Min hemmhekk inżilna is-Salini u Kennedy Grove. Biċċa kemmxejn differenti mill-pajsaġġ tagħna – bosk, art bassasa (marshland) u salini tal-melh li kollha jagħmlu parti min pjan ta’ riabilitazzjoni, li nbdiet l-ewwel parti tiegħu.

Kennedy Grove minn dejjem kienet poparli ħafna mal-familji ta’ l-inħawi li jħobbu jgawdu l-kampanja. Issa sar tisbieħ ġeneral: inżera it-turf, ġiet installata funtana fl-art li tista’ timxi minn fuqha u taraġ li miegħu jinżel l-ilma ġieri. Dan il-post kompla ssebbaħ ukoll bit-tħawwil ta’ siġar li ħafna nies ħawlu biex jimmarkaw okkażjonijiet speċjali għall-familji tagħhom, bħal twelidijiet u mwiet. Il-Gvern ħawwel ukoll numru kbir minn dawn is-siġar. Waqt li konna hemm xi hadd ikkumenta ‘ħasra li dawn is-siġar jitħawlu żgħar’. Iżda ħaddieħor fehem – ‘dawk ser jikbru mat-tfal tagħna’!

Ħadd minna li konna hemm ma kellu aptit jitlaq dik il-ġenna ta’ l-art biex nerġgħu lura għall-impennji tal-kampanja elettorali.

Għalija li trabbejt Ħal Safi, post imdawwar bil-kampanja u qalb il-bdiewa u r-raħħala, iż-żewġ żjajjar ta’ dalgħodu kienu esperjenza pjaċevoli immens. Bdejt il-ġurnata fil-paċi li ssibha biss fl-ambjent naturali indukrat ….. u servietni matul il-ġurnata kollha.

Tislijiet :)

Kate