Għadni kif ġejt lura minn Għawdex. Gżira verament pittoreska speċjalment bħalissa bil-ħdura fil-kampanja. Iltqajna ma’ ħafna Għawdxin kuntenti li l-investiment reġa’ rkupra u t-turiżmu ħa spinta ’l fuq. Grazzi dejjem għall-impenn tal-Gvern u tas-soċjetà ċivili f’Għawdex. Grazzi ukoll għall-finanzi mill-Unjoni Ewropea li permezz tagħhom flimkien mat-taxxi tagħna tlesta t-terminal ta’ l-Imġarr u t-Triq mill-Imġarr għal San Lawrenz.
L-Għawdxin huma bieżla u għandhom ħafna abilitajiet. Jippromovu b’entużjażmu l-kultura tagħhom u diġa qed iħaddnu l-proposta ġdida fil-manifest elettorali ’Eko Għawdex’.
Il-bieraħ fil-għaxija iltqajna maż-żgħażagħ Għawdxin taħt it-tinda. Id-diskussjoni tagħhom trattat punti varji. L-aċċenn kien fuq l-opportunitajiet fl-edukazzjoni. Iż-żgħażagħ tkellmu dwar ir-riformi u l-investimenti kbar mill-livell bażiku taċ-child care centres u l-kinder sa l-għola livell terzjarju. Semmew l-10 kulleġġi li nħalqu f’Malta u Għawdex biex jgħaqqdu flimkien l-iskejjel primarji u sekondarji ta’ l-Istat, ħalli jgħinu t-tfal tagħna jgħixu esperjenza edukattiva sħiħa u kontinwa mill-kinder għall-primarja u għas-sekondarja, bl-inqas skossi possibbli.
Intqal ukoll li numru tal-istudenti li qed ikomplu jistudjaw f’istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji qed jiżdied kull sena. Għandhom għażla ta’ istituzzjonijiet.... il-Junior College, l-Higher Secondary, l-MCAST, l-ITS kif ukoll l-Università. L-MCAST, li hu rikonoxxut bħala Ċentru ta’ eċċellenza mill-istituzzjoni ewlenija tal-kwalifiki l-Edexcel żviluppa b’rata tassew mgħaġġla. Illum jinkludi disa’ istituti u jilqa’ fih aktar minn 10,000 student li jattendu l-korsijiet offruti. Mhux ta’ b’xejn ġew investiti kważi 23 miljun lira Maltin f’din l-istutuzzjoni! L-għan hu li l-ammont ta’ l-istudenti jirdoppja.
Iktar min 15,000 student qed jircievu stipendji li jlaħħqu mat-Lm8.2m fis-sena. L-istudenti Għawdxin, li għandhom spejjeż partikolari għalihom stqarrew apprezzament għaż-żieda fl-istipendji tagħhom.
Dawk preżenti iddiskutew it-twaqqif tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla, li ser tipprovdi pariri lill-Gvern dwar ippjanar aħjar biex ikompli jissaħħaħ u jikber is-settur post-sekondarju u terzjarju f’pajjiżna.
Mhux ta’ b’xejn, li ħafna żagħżagħ ser jagħmlu għażla favur il-kontinwità ta’ dawn l-opportunitajiet fl-edukazzjoni ... sabiex jirnexxu lkoll!
Tislijiet
Kate :)