Fil-bidu tal-kampanja elettorali issuġġerewli li naqsam magħkom, permezz ta’ blogg, xi ħsibijiet u esperjenzi li ngħaddi minnhom matul il-kampanja elettorali. Għall-bidu kont ftit xettika għall-żewġ raġunijiet, waħda għax ma kontx naf jekk jirnexxiliex insib il-ħin li nikteb xi ħaġa kuljum, u l-oħra, minħabba r-responsabiltà ta’ meta wieħed jikteb għall-pubbliku. Iddeċidejt li nidħol għall-isfida.
Id-deċiżjoni li nżomm blogg għenitni nsegwi aktar mill-qrib x’kien għaddej madwari u kabbart l-informazzjoni li kelli. Barra minn hekk, xtaqt li permezz tal-blogg inwassal xi messaġġi li nispera li jħallu xi ftit tal-ġid. Jiena rċevejt ħafna f’ħajti min għand ħaddieħor u allura, xtaqt naqsam dak li rċevejt magħkom ukoll.
Il-ħajja fiha l-iebes tagħha. Sfortunatament, xi drabi niltaqa’ ma' nies li jibqgħu dejjem mdejqin minħabba esperjenzi negattivi li jkollhom f’ħajjithom. Niltaqa’ wkoll m’oħrajn li għaliex ma jirnexxilhomx jakkwistaw dak li jixtiequ, jagħlqu għajnejhom għal affarijiet sbieħ li diġà għandhom… bħal meta xi ħadd iżomm it-twieqi dejjem magħluqin u ma jarax is-sema u x-xemx ta’ barra. Għandna nitħabtu u naħdmu għal dak li nixtiequ iżda dak li ma jirnexxilniex nakkwistaw, m’għandux innessina dak li diġà għandna.
Ejjew infittxu min jgħina ħalli ma neħlu f'ebda esperjenza negattiva. Bl-appoġġ f’waqtu, l-esperjenzi ibsin u koroh jinbidlu minflok, f’għarfien u ħiliet pożittivi.
Ejjew inkunu ta’ spalla għal xulxin biex nikbru permezz tal-esperjenzi ta’ ħajjitna u naraw is-sabiħ ta’ madwarna. Ejjew nerġgħu insaħħu r-relazzjonijiet tagħna mill-ġdid kuljum u b’hekk id-differenzi ta’ bejnietna nibdluhom f’għaqda b’diversità fl-ideat u t-twemmin. B’hekk l-isfidi jinbidlu f’opportunitajiet.
Meta ninfetħu għal ħaddieħor ikollna rikkezzi li ma jispiċċaw qatt!
Nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil dawk kollha li jgħinuni u jagħtuni l-appoġġ tagħhom kontinwament.
Nawguralkom saħħa u ġid!
Tislijiet
Kate :)
