Thursday, March 6, 2008

Residenza Fil-Komunita`

Din il-ġimgħa żorna dar ġdida tal-Aġenzija Sapport f’Bormla. Id-dar jisimha ‘Andrew’ b’unur għal wieħed mir-residenti tas-Sapport li minn ftit ġimgħat ‘l hawn m’ghadux maghna.

Dan l-isem fih innifsu jixhed id-dedikazzjoni ta’ l-Aġenzija Sapport għax-xogħol li tagħmel fil-komunità ma’ persuni li għandhom bżonn is-servizz tagħha.

Sa ftit snin ilu, persuni b’diżabilità kienu jiddependu għal kollox mill-ġenituri tagħhom sakemm dawn kienu għadhom ħajjin. Ħafna ġenituri, b’riżultat ta’ l-imħabba kbira lejn uliedhom b’diżabilità kienu jiproteġuhom u jżommuhom lura. Meta l-genituri kienu jiġu nieqsa jew ma jkunux jistgħu jieħdu aktar ħsieb ta’ l-ulied b’diżabilita`, ħafna drabi l-ulied kienu jispiċċaw f’djar għall-anzjani anki jekk ikun għadhom ta’ età żgħira.

L-Aġenzija Sapport twaqqfet fl-2001 biex tgħin lill-persuni b’diżabilità biex jgħixu u jipparteċipaw fil-kommunità, filwaqt li tagħti appoġġ lill-familji tagħhom. Dan tagħmlu permezz ta’ diversi servizzi, fosthom dak ta’ l-assistenti personali li jgħinu lill-persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu mall-familja, fid-djar tagħhom stess. B’hekk, genituri anzjani jew genituri li jkollhom impjieg barra mid-dar ikunu jistghu jserrhu mohhom li uliedhom b’dizabilita` qed jircievu l-ghajnuna mehtiega mill-assistenti personali taghhom.

Filwaqt, li l-Aġenzija Sapport temmen li l-aħjar post għal persuni kollha huwa id-dar mal-familja tagħhom, dan mhux dejjem ikun possibli. Ir-residenzi fil-kommunità huma l-eqreb alternattiva għad-dar tal-familja. Dawn id-djar u appartamenti żgħar li jieħdu minn erbgħa sa’ seba’ min-nies jitmexxew mir-residenti stess bl-għajnuna tal-assistenti tagħhom. Fil-proċess, ir-residenti jitgħallmu jagħmlu l-affarijiet bażiċi bħal imorru jixtru, jirkbu karozza tal-linja, u uħud minnhom anki imorri għax-xogħol.

L-Aġenzija Sapport tagħti appoġġ lill-familji tal-persuni b’diżabilità u toħloq familji ġodda għal-dawk il-persuni b’diżabilità li għal raġuni jew oħra ma jistgħux jgħixu fil-familji tagħhom. B’hekk, persuni b’diżabilità jkollhom id-dinjità tagħhom imħarsa, u l-ġenituri jkollhom moħħom mistrieħ bis-servizzi tal-Aġenzija Sapport.

Tislijiet

Kate :)