Servizz bi tbissima….rekwiżit essenzjali fil-qasam tat-Turiżmu. It-turist iħallas għas-servizz li jirċevi u għalhekk jistenna li jingħata pakkett ta’ kwalità li jħallilu memorji pjaċevoli tas-safra tiegħu. Turist sodisfatt jaf jerga’ jiġi u anke jirriklama pajjiżna b’mod pożittiv lil ħbieb u familjari tiegħu.
Is-suċċess ta’ l-industrija tat-turiżmu jiddependi minn ċerti fatturi li mhux dejjem ikollna kontrol fuqhom. Bla dubju pero`, jekk kullħadd jagħti sehmu, jirnexxilna negħlbu ħafna sfidi, fosthom il-kompetizzjoni. Kulħadd hu responsabbli għal dan is-success f’Malta u Għawdex – il-Gvern, l-Awtorità tat-Turiżmu, ħaddiema fil-portijiet ta’ l-ajru u l-baħar, xufiera tat-taxis, coaches, karozzi tal-linja u karozzini, propretarji ta’ lukandi, flats u restoranti, sidien ta’ ħwienet, gwidi…. kull ċittadin.
Is-sena 2007 ġiet deskritta min Francesco Frangialli, segretarju ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu bħala “sena brillanti” għall-industrija tat-turiżmu f’Malta. Anke l-Eurostat ikkonfermat li fit-2007 iż-żieda fir-rata tat-tkabbir f’Malta hi l-għola waħda fl-Unjoni Ewropea.
Dan it-tkattir nistgħu nattribwuħ għall-finanzi kbar investiti mit-taxxi tagħna u mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea; għall-kontribut ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu li qed timplimenta il-Pjan ta’ Strategija biex tkabbar is-suq u l-kompetitività li jinkludi fost oħrajn il-ħolqien tal- portal Visit Malta.com li ġibet miljun u nofs viżitatur u il-low cost carriers; għall-ħidma tal-għaqdiet non governattivi; għall-kalendarju ta’ attivitajiet kulturali, sportivi u mużikali u għar-riklam tal-wirt storiku, baħar u natura, flimkien mal-karatteristiċi uniċi fil-gżejjer tagħna.
Ħafna minna l-Maltin niddipendu fuq it-turisti għall-għixien tagħna. Ejjew nibżgħu għat-turiżmu f’Malta għax hu settur fraġli. Ejjew nagħmlu ħilitna biex ngħollu l-livell tal-prodott Malti u nagħtu servizz bi tbissima ….”Welcome to Malta and Gozo.”
Tislijiet
Kate :)
