Thursday, February 7, 2008

Familja jew Xogħol?

Illum kont f’ħanut qed nistenna fil-kju biex inħallas ix-xirja. Bdejt inpaċpaċ ma’ mara li kellha tifla zgħira magħha u ġie l-kliem li hi kienet in-nanna tat-tifla u li kienet qed tieħu ħsiebha waqt li l-ġenituri kienu x-xogħol. Qaltli li ħasra li kieku wara tant sagrifiċċji u studju, missierha u ommha ma jkomplux bil-karriera tagħhom.

Din il-kwistjoni tal-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol hija bla dubju realta’ għal ħafna familji u ġenituri. Kif issib bilanċ m’hijiex faċli u naħseb li kullħadd jirrealizza li mhux in-nanniet kollha jistgħu jipprovdu dan l-appoġġ. Ħafna ġenituri jixtiequ li jkollhom xi persuna li jistgħu jafdaw biex teħdilhom ħsieb lit-tfal żgħar tagħhom.

Ħadt gost pero illi din il-mara qaltli hi stess li hemm xi opportunitajiet tajbin għal meta la hi, u lanqas il-ġenituri, ma jkunu jistgħu jieħdu ħsieb lit-tifla. Fil-fatt dan l-aħħar snin rajna ħafna żviluppi tajbin. Infetħu ċentri għat-tfal matul il-jum (child-care centres), kemm ta’ l-istat kif ukoll privati, li huma rregolati minn set ta’ standards maħrugin mill-Gvern biex jaċċertaw li, kemm dawk il-persuni li jieħdu ħsieb lit-tfal, kif ukoll il-post, huma addattati għal din il-funzjoni. Per eżempju ċ-ċentri tal-Gvern Smart Kids fil-Birgu u B’kara tgħidx kemm huma mfittxijin mill-ġenituri. Fil-jiem li ġejjin ser jinfetaħ ċentru tat-tfal f’Ħal-Luqa u għaddej ix-xogħol fuq ċentri oħrajn f’Raħal Ġdid, il-Għargħur u l-Qawra.

Illum ġenituri li jħallsu l-miżata biex jibagħtu ‘l uliedhom fiċ-ċentru ta’ matul il-jum, issa, jistgħu jiffrankaw parti mit-taxxa. Hemm ukoll l-appoġġ li jingħata lill-ġenituri bħal ma huwa l-parental leave, il-career breaks, ir-reduced hours u l-flessibilta` fuq ix-xogħol.

Kemm hu sabiħ li filwaqt li tagħti lit-tfal l-attenzjoni meħtieġa jkun hemm l-għażla u l-opportunitajiet biex il-ġenituri jibqgħu jimxu fil-karriera tagħhom. Għax fl-aħħar mill-aħħar dan kollu jistgħu jerġgħu jagħtuh lura lit-tfal.

Tislijiet


Kate :)