Jien niġi f’kuntatt ma ħafna nies u bħalissa aktar minn żminijiet oħra. Dalgħodu kont qed nitkellem ma’ omm ta’ żewġt itfal. Staqsietni nispjegalha x’inhi din il-proposta li ommijiet li jaħdmu barra mid-dar jibdew jiffrankaw sena taxxa għal kull wild li jkollhom.
Biex il-pajjiż jibqa’ sejjer ’l quddiem jeħtieġ aktar nies jagħtu l-kontribut fid-dinja tax-xogħol. F’Malta ħafna rġiel jaħdmu. Għandna inqas nisa minn irġiel jaħdmu barra mid-dar, u dan, għaliex fil-kultura tagħna, ir-responsabilità tad-dar u tal-familja, għadha primarjament f’idejn l-ommijiet.
L-inizjattiva li omm li taħdem barra mid-dar tiġi eżentata milli tħallas taxxa fuq il-paga għal sena għal kull wild li jkollha tirrikonoxxi l-kontribut kbir li n-nisa jistgħu jagħtu fl-ekonomija u fis-soċjetà, flimkien mal-kontribut li jagħtu lejn il-familja. Din l-inizjattiva għandha tgħin lil-irġiel jagħrfu l-potenzjal tal-mara u b’hekk, jinkoraġġuha tipparteċipa fid-dinja tax-xogħol, waqt li huma jagħrfu ukoll li jeħtieg jagħtu kontribut akbar fil-familja. Dan ifisser li l-ġenituri t-tnejn jeħtieġ li jieħdu responsabilità tal-familja flimkien max-xogħol li jkollhom barra mid-dar.
Tgħid din l-inizjattiva ser tħajjar aktar nisa’ biex jagħtu l-kontribut tagħhom fid-dinja tax-xogħol? Tgħid twassal għal bilanċ aħjar ta’ kif ir-responsabilitajiet tal-familja jinqasmu bejn in-nisa u l-irġiel?
Li tiffranka sena taxxa għal kull tifel jew tifla, ifisser li familji b’ġenituri li jaħdmu it-tnejn, u li jagħzlu li jkollhom aktar tfal, ser iħallsu inqas taxxi. Din il-miżura twassal ukoll għal aktar ġustizzja. Min għandu aktar tfal għandu aktar spejjeż, u allura din l-opportunità tindirizza din id-differenza.
Il-progress li għamel dan il-pajjiż qed ikompli jirrendi l-ġid lill-familji tagħna, u dan b’mod li jixhed sens ta’ ġustizzja soċjali. Aħna wkoll nistgħu nagħmlu l-parti tagħna biex dan il-pajjiż ikompli jimxi ’l quddiem.
Tislijiet
Kate :)
