Saturday, February 9, 2008

Pawlu ta’ Malta

Il-bieraħ kelli l-pjaċir napprezza wieħed mill-isbaħ xogħolijiet kulturali li jaf joffri t-talent Malti. L-Oratorju Pawlu ta’ Malta, mill-pinna ta’ Mro Charles Camilleri fuq lirika ta’ Prof Oliver Friggieri reġa’ ttella’ fil-Knisja ta’ Santa Tereża Birkirkara. Il-kant tas-solisti u tal-kor ikkumplimentat mill-orkestra flimkien ħolqu simfonija ta’ mużika, letteratura, reliġjon u kultura li fiha jispikka kemm aħna poplu bi tradizzjoni rikka u varjata.

L-attendenza sabiħa li, minkejja il-maltemp, attendiet għal dan ix-xogħol mużikali turi biċ-ċar kemm il-poplu Malti sar jaf japprezza dak li aħna stess kapaċi noffru. Dan l-Oratorju huwa biċċa xogħol oħra f’katina ta’ diversi rapreżentazzjonijiet kulturali.

Matul l-2007 il-poplu Malti kellu l-opportunità li jgawdi numru rekord ta’ kunċerti, opri u festivals fost oħrajn. Ħafna minn dawn ittelgħu f’postijiet storiċi li ħolqu atmosfera ferm addattata. Il-kunċert ta’ tenur Malti ġewwa l-Imdina, bil-Katidral fl-isfond, kien fost l-aqwa. Dar il-Mediterran għal-Konferenzi, it-Teatru Manoel, it-Teatru l-Imwaqqà, il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Ġgantija f’Għawdex u Kastilja kienu wħud mis-siti prestiġjużi f’pajjiżna li fihom stajna nitpaxxew b’tant sbuħija.

Mhux ta’ min jinsa l-kunċert ta’ mużika kontemporanja popolari fil-Valletta Waterfront li ġibed udjenza kemmxejn differenti, u l-kunċert li sar mill-MTV fuq il-Fosos tal-Furjana. Kunċert internazzjonali li ġibed ħafna Maltin u turisti, filwaqt li wassal lill-pajjiżna fid-djar madwar id-dinja permezz tat-televiżjoni.

L-Oratorju Pawlu ta’ Malta huwa eżempju ċar tad-drawwa ġdida fejn entitajiet kbar, fosthom banek ewlenin, qed jiffinanzjaw attivitajiet bħal dawn biex b’hekk jagħtu lura lill-komunità ftit minn dak li jkunu qalgħu mill-istess komunità.

Matul dawn l-aħħar snin, l-apprezzament ta’ dak kollu li hu kulturali f’pajjiżna ħa spinta ’l quddiem. L-impenn tal-Gvern, l-interess tas-settur privat kif ukoll tagħna lkoll huwa kruċjali biex dan jibqa’ jseħħ.


Tislijiet

Kate :)