Thursday, February 7, 2008

Sea Plane

Din il-ġimgħa kelli diversi attivitajiet ġewwa Għawdex. Il-Ħadd li għadda attendejt għaċ-ċeremonja tat-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-kulleġġ li bħalissa qed jinbena fir-Rabat.

Illum mort inżur it-Taqsima Speċjalizzata fl-Iskola Primarja tas-Sannat fejn saret Multi Sensory Area sponsorjata mill-HSBC Cares For Children Fund – proġett b’faċilitajiet li jgħinu lit-tfal jitgħallmu skond il-ħtiġijiet individwali tagħhom.

Peress li bħalissa mħabbta ħafna iżjed mis-soltu, iddeċidejt li nuża is-Sea Plane. Kelli kurżita` nara kif jaħdem dan is-Sea Plane u nammetti, kont ftit eċitata sa ma rkibt fuqu. Nassigurakom…esperjenza meraviljuża…li tirkeb ajruplan fuq l-ilma u fi ftit minuti issib ruħek fl-ajru. Mezz ta’ trasport li mhux komuni – attrazzjoni u kumdità.

Fi ftit minuti wasalna Għawdex mill-Belt Valletta. Apparti l-ħin li ffrankajt, kienet mawra sabiħa għax rajt is-sbuħija tal-Port il-Kbir, tal-kampanja fil-gżejjjer tagħna u l-baħar blu tal-madwar. Stajt nifhem kemm dan il-mezz ta’ trasport hu ta’ attrazzjoni għat-turisti li jiġu jzuruna. Mezz alternattiv biex igawdu s-sbuħija ta’ pajjiżna filwaqt li jivvjaġġaw komdi u f’iqsar żmien.

Għal Għawdex, bħala l-iżgħar gżira, il-mezzi ta’ trasport huma essenzjali. Fil-ħajja tal-lum, it-trasport effiċjenti huwa bżonn – kulħadd qed jgħix ħajja mgħaġġla. In-nies fil-business, li jitilgħu Għawdex fuq-xogħol - il-ħin tagħhom jissarraf fi flus; It-turisti jippreferu jivjaġġaw f’inqas ħin.

Permezz ta’ inizjattiva privata pajjiżna qed igawdi minn servizz ieħor ta’ trasport bejn il-gżejjer tagħna. Nirrealiżża x’impatt jista’ jagħmel l-investiment privat f’pajjiżna.

Tislijiet

Kate :)