Il-bieraħ il-Partit Nazzjonalista laqqa’ l-Kunsill Ġenerali tiegħu biex approva l-programm elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali tat-8 ta’ Marzu. F’dan il-programm elettorali nsibu 353 proposta ġdida mifruxin fuq diversi oqsma li jinkludu l-ekonomija, x-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, il-qasam soċjali u Għawdex. Dawn il-proposti jistgħu jinqraw fuq il-ġurnali kif ukoll fuq www.lawrencegonzi.info.
Issa dak li qed jipproponi li jagħmlu l-partiti kollha, jekk ikunu fil-gvern, huwa magħruf.
Jeħtieġ li nixtarru sewwa kull programm elettorali għaliex huwa l-mappa li partit jipproponi li jsegwi fil-ħidma tiegħu matul il-ħames snin li ġejjin fit-tmexxija tal-pajjiż.
Allura nistaqsu – liema programm ser ikompli jibni fuq dak li mbeda digà mad-dħul ta’ pajjiżna fl-Ewropa? Liema joffri benefiċċji ġodda għall-familji? Liema qed jiggarantixxi ħajja ta’ kwalità aħjar? .
Għalhekk huwa ‘mportanti li kull wieħed u waħda minna nistudjaw tajjeb il-programmi li ġew preżentati, niżnu u nqabblu dak li qed jiġi propost. Fit-8 ta’ Marżu għandna nagħmlu għażla infurmata għall-ġid ta’ pajjiżna.
-
Illum mort it-tieni Mass Meeting. Kienet ħafna kesħa, u mmaġinajt li n-nies ser jaqtgħu qalbhom u joqgħodu d-dar għall-irdoss. Imma l-politika tbaqbaq f’demm il-Maltin. Nieħduha bis-serjetà. Irridu nisimgħu u nkunu nformati dwar dak li ser nivvutaw għaliħ.
X’emozzjoni meta tara dak il-baħar ta’ nies quddiemek … Xena li tfakkarni fir-responsabilità kbira li jidħol għaliha min imexxi l-gvern. Jiena ċerta li ser nagħżlu lil dawk il-persuni li huma l-aktar addattati biex jerfgħu din ir-reponsabilita f’pajjiżna!
Tisliet
Kate :)
