Friday, February 22, 2008

Investiment fl-iskejjel u kulleġġi

Illum attendejt għall-inawgurazzjoni ta’ l-iskola Primarja tas-Siġġiewi li kważi nbniet mill-ġdid. F’din l-iskola nbiddlu s-soqfa, saret estensjoni ta’ sular, inbniet sala ġdida u ġew zviluppati numru ta’ faċilitajiet ġodda għall-isport.

Din hija waħda minn 138 skola li ġew modernizzati f’Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin. In-numru huwa kbir meta jiġi ikkunsidrat iċ-ċokon ta’ pajjiżna. Fost ix-xogħolijiet li saru f’dawn l-iskejjel hemm inkluż laboratorji, swali, faċilitajiet sportivi u rikreattivi, klassijiet speċjalizzati, lifts u tant interventi oħra biex it-tfal ikollhom l-aqwa faċilitajiet aċċessibli għall-istudenti kollha. L-ambjent nadif, pulit u sabiħ jgħin biex it-tfal ikunu izjed kuntenti u allura jitgħallmu aktar.

Apparti l-immodernizzar tal-183 skola, tlestew żewġ kulleġġi ġodda - dak ta’ San Benedittu u dak ta’ Sant’Injazju (magħruf bħala Tal-Ħandaq). Skejjel ġodda, li tlestew f’ żmien qasir, b’faċilitajiet li jvarjaw, inkluż laboratorji, klassijiet, faċilitajiet sportivi u rikreattivi, klassijiet speċjalizzati għat-tagħlim tad-drama, mużika, arti u ċeramika, studji ambjentali, tisjir, guidance, klinika kif ukoll il-kappella w l-librerija. Mhux ta’ bxejn li kien hemm student li irrefera għall- kulleġġ bħala ’l-isbaħ skola tad-dinja!’

Ix-xogħol fuq il-kulleġġ tal-Verdala miexi b’ritmu tajjeb. Beda x-xogħol ukoll fuq skola ġdida f’Pembroke u hemm ippjanat skola oħra fil-Mosta. Anke Għawdex messu sehem minn dan l-investiment. Qed tinbena skola ġdida fir-Rabat li ser tindirizza l-bżonnijiet ta’ l-istudenti f’soċjeta moderna.

Apparti l-investiment fl-infrastruttura, qed isir ukoll investiment daqstant ieħor importanti f’tagħmir tat-teknoloġija. Ser jingħataw kompjuters ġodda lill-iskejjel kollha biex ikun hemm komputer għal kull 4 studenti u laptop għal kull għalliem/a.

Sar ukoll investiment kbir fit-taħriġ tal-għalliema. Lilhom nafdaw it-tfal tagħna li tant huma għeżież għalina u li għalihom irridu biss l-aħjar.

Hemm il-ħsieb li jitwettaq programm ta’ attivitajiet wara l-ħin ta’ l-iskola. Dawn l-attivitajiet jieħdu sehem fihom kemm l-istudenti kif ukoll il-bqija tal-komunta’. L-iskejjel tagħna qed nibdluhom f’Centri tal-Kommunità biex kulħadd ikun jista’ jgawdi minn dawn ir-riżorsi essenzjali biex nibqgħu nimxu ‘l quddiem.

Tislijiet

Kate :)