Wednesday, February 20, 2008

Ma Nsejtkomx!


Qed niprova nirrispondi ftit e-mails imma l-qattus qed jittanta jimxili fuq il-laptop. Iħobb jindieħes ħafna magħna. Kultant meta nkun qed nikteb, għandu ħabta joqgħod warajja fuq is-siġġu u bil-kemm iħallili wisa’ fejn inpoġġi bil-qiegħda. Drabi oħra joqgħod jilgħab mal-wire tat-telefon li nkun qed nuża. Irid l-attenzjoni huwa wkoll. Nammetti li dan l-aħħar ma tantx kelli ħin infissdu. ‘Ma nsejtikx’, għidtlu, ‘ara x’nagħmel, inwegħdek li nsemmik fil-blog li jmiss, mhux lilek biss imma anke lill-annimali sħabek’.

L-annimali jiddependu fuq il-ħarsien u l-imħabba tagħna. Hawn ħafna nies li jirrispettaw l-annimali u xi wħud, mhux talli biss jieħdu ħsieb l-pets tagħhom, imma saħansitra wkoll, min flushom jixtru ikel u bżonnijiet oħra għal annimali abbandunati. Essenzjalment, aħna poplu li jħobb ’l annimali. Madanakollu, sfortunatament għad hawn persuni li jittrattaw l-annimali ħazin. Fil-fatt jeħtieġ li nkomplu nrawmu kultura ta’ rispett lejn l-annimali.

Ħadt pjaċir dan l-aħħar meta qrajt bil-ftehim li biħ il-Gvern għadda r-responsabilità ta’ biċċa art fil-Mellieħa lil Noah’s Ark li hija waħda mill-organizazzjonijiet volontarji u non governattivi (NGOs) li jaħdmu fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-annimali. Din il-miżura se tkompli ssaħħah ix-xogħol li diġa qed isir favur il-ħarsien tal-annimali fosthom l-allokazzjoni ta’ 350,000 Ewro (Lm150,000) għal dan is-settur fil-bidu tas-sena u l-ftehim biex jiġi żviluppat After Care Animal Centre f’Ta’ Qali.

Parti minn din l-allokazzjoni [€175,000 (Lm75,000)] se jintużaw biex flimkien mal-NGOs jinbeda programm nazzjonali għan-neutering tal-qtates u l-klieb waqt li l-kumplament tal-flus ser jintużaw għal titjib ta’ faċilitajiet ta’ dawn l-NGOs.

Dawn l-inizjattivi huma nkorraġġanti ħafna u jagħtu indikazzjoni ċara tal-impenn li hawn lejn dan is-settur. Il-proposti elettorali għal dan il-qasam ikomplu iserħulna rasna għax jaħsbu biex lanqas l-annimali ma jibqgħu lura. Ser isiru arranġamenti biex ħaddiema tal-gvern jiġu trasferiti biex jaħdmu fis-santwarji tal-annimali, biex ikun hemm ir-riżorsi meħtieġa biex l-annimali jiġu ndukrati kif jixirqilhom. Il-proposta tal-micro chipping fejn ta’ ċipp tal-kompjuter jkollha d-dettalji kollha tal-kelb, is-sidien jinżammu responsabbli. Ser jinfetaħ ukoll ċentru għar-rijabilitazzjoni tal-annimali tal-baħar.

M’ghandix dubju li permezz ta’ dawn il-miżuri ser jittaffa l-piż minn fuq l-NGOs u fl-istess ħin aktar annimali jsibu l-imħabba li tixirqilhom!

Tislijiet

Kate :)