Wednesday, February 20, 2008

Saħħitna priorità


Nisimgħu u naqraw ħafna dwar is-saħħa fil-midja. Qegħdin ukoll insiru dejjem iżjed konxji ta’ kif nieħdu ħsieb saħħitna kemm mil-lat fiżiku kif ukoll mentali. Il-kwalità ta’ servizzi fis-saħħa u l-kwalità ta’ ħajja aħjar jgħinu biex jipprevenu ħafna mard u biex ngħixu iżjed fit-tul. Minkejja dan kollu, xorta kultant ngħaddu minn perijodi ta’ mard li jeħtieġ kura ġo l-isptar.

Ftit xhur ilu, infetaħ il-Mater Dei, sptar ġdid li joffri l-aqwa f’dak li huwa servizz tas-saħħa. L-isptar ta’ qabel inbena fis-seklu l-ieħor u m’għadux addattat għas-servizzi tal-lum. Il-lum il-pazjent għandu aktar kumdità u privatezza.

Il-faċilitajiet żdiedu u llum jilħqu l-għola livelli ta’ kwalità stabbiliti internazzjonalment. Mhux faċli tibni sptar ġdid attrezzat bl-iktar faċilitajiet u apparat modern. Lanqas mhu faċli li iċċaqlaq pazjenti u staff minn sptar għal ieħor. Għadna fil-fażi ta’ tranżizzjoni. Kull min xi darba biddel id-dar jaf li dejjem iddum ftit biex toqgħod u tidra, u hekk hu l-każ f’ Mater Dei. Għadna kif iċċaqlaqna, u għad hemm xi rfinaturi li għad iridu jsiru, pero' ħafna jaqblu li għamilna pass kbir ‘l quddiem.

L-ambjent huwa ċentrali għall-fejqan; f’ambjent isbaħ tħossok tfiq aktar malajr. Sintendi s-servizz mediku huwa essenzjali wkoll għall-fejqan. Malta dan l-aħħar ġiet meqjusa fil-ħames post tal-pajjiżi li jagħtu l-aqwa servizz tas-saħħa fid-dinja. Dan jagħmlilna unur, iżda ma jserħillniex moħħna li kollox huwa sew. Irridu nibqghu naħdmu biex is-servizz li jingħata f’Mater Dei ikun ‘state of the art’ bħal ma hu l-isptar.

Għandna ukoll qabżiet oħra ppjanati fis-servizzi tas-saħħa. L-ispeċjalizazzjoni fis-servizzi għal kura tal-kanċer ser tgħaddi minn l-iSptar Boffa għal Zammit Clapp, filwaqt li ser tibena sezzjoni ta’ rijabilitazzjoni fi ħdan ir-residenza SVPR.

Jikkumplimenta dan kollu hemm ukoll il-pjanijiet għal riformi fil-qasam tal-kura primarja fil-kommunità li ser tibda tiffoka aktar fuq il-preservazzjoni tas-saħħa, apparti li tgħin fil-fejqan.

Nawguralkom ħafna saħħa biex tgawdu l-ġid li hawn madwarna.

Tislijiet

Kate :)