Il-bieraħ kont preżenti taħt ‘it-tinda’ fil-pjazza tal-Kalkara għal diskussjoni rigward it-tema ‘Xogħol u Investiment’. Ma setax jonqos li fid-diskussjoni jisemma’ Smart City. Fil-fatt konna qrib ħafna tas-sit fejn ser jimbena dan il-proġett kbir.
Il-proġett Smart City jimmarka paġna ġdida fl-istorja ta’ pajjiżna kemm f’dak li hu ammont ta’ xogħol kif ukoll il-kwalità tax-xogħol. Għandna garanzija ta’ aktar xogħol, u xogħol aħjar. Smart City ser tiġġenera ’l fuq minn ħames t’elef impjieg. Ħafna minnhom ser ikunu fil-qasam tat-teknoloġija u l-informatika.
Dan il-proġett ser ikompli jsaħħaħ aspett ġdid li beda jiżviluppa f’pajjiżna - Xogħol ta’ natura differenti. Għamilna qabża mill-qasam tal-manifattura - li ma baqax vijabbli f’pajjiżna - għal diversi oqsma ta’ servizzi, fosthom dawk finanzjarji, tat-teknoloġija u kommunikazzjoni.
Qed isir ukoll ħafna investiment fit-taħriġ biex jipprepara lil dawk li jixtiequ jaħtfu dawn l-opportunitajiet, foshom fl-MCAST u issa fil-proġett Smart Women speċifikament għan-nisa. Permezz tat-taħriġ kull persuna, anki dawk li mhumiex żgħażagħ, qed ikollhom l-opportunita` biex jiżviluppaw il-ħiliet neċessarji biex jidħlu f’din id-dinja ġdida tax-xogħol.
U r-riżultati diġa` qed narawhom. Kumpanniji li sa ftit ilu kienu żgħar, bħal 6PM kibru b’ritmu qawwi, u joffru servizzi mhux biss f’Malta imma anki barra minn xtutna. Infetħu f’pajjiżna diversi call centres ta’ kumpanniji kbar, li ppreferew lill-Malta u ġabu l-operat tagħhom hawn minn pajjiżi oħra Ewropej.
Dan is-settur huwa ta’ importanza partikolari għal Għawdex. It-teknoloġija tgħeleb kull ostaklu fiżiku – ic-cokon t’Għawdex u l-fatt li hu mdawwar bil-baħar ma jtellef xejn. Dan qed jidher fin-numru t’opportunitajiet ġodda li nfetħu f’Għawdex, fosthom il-call centre tal-HSBC u uffiċċju ta’ l-istess 6PM.
Għalkemm matul dawn l-ahhar snin ix-xogħol żdied u nħolqu eluf ta’ impjiegi ġodda, kull sena jilħqu żgħażagħ oħra li jfittxu impjieg. Allura importanti li l-investiment jibqa’ ġej. U dan għaliex ma’ qasam wieħed igawdu qosma oħrajn ukoll. Smart City ser tiġġenera ukoll ħafna xogħol ta’ kostruzzjoni, u ser toħloq ħafna opportunitajiet f’setturi bħal ma huma it-tindif u l-manutenzjoni.
Tassew li l-ġid jiġġenera l-ġid. Nawgura li kull wieħed minna jkompli jagħti l-kontribut tiegħu biex jiġi ġġenerat aktar ġid f’pajjiżna.
Tislijiet,
Kate :)