We never had it so good …. esprimiet waħda mill-kelliema dalgħodu meta komplejna niddiskutu s-suġġett tax-xogħol waqt il-progamm Ħin mal-Familja fuq Net TV.
Id-diskussjoni trattat diversi punti mid-dinja tal-impjiegi fosthom kif inbiddlu ċ-ċirkostanzi li fihom qed jiġi ġġenerat ix-xogħol, l-importanza tal-kontribut tal-mara fis-soċjetà u miżuri biex il-familja tibbilanċja aħjar bejn ir-responsabilitajiet differenti.
Ix-xogħol joffri dinjità lill-bniedem. Li nagħtu sehemna lill-ekonomija u lis-soċjetà iġibilna sodisfazzjon, apparti l-finanzi li huma ‘mportanti ħafna għal ħajja ta’ kwalità.
Dan kollu japplika ħafna għan-nisa wkoll. Illum numru ta’ nisa jagħżlu li jaħdmu barra mid-dar.Tradizzjonalment in-nisa kienu jaħdmu mid-dar tagħhom. Illum, minħabba li fl-Universita` hemm aktar studenti xebbiet milli ġuvintur, l-opportunitajiet jehtieg li jkunu miftuħin ukoll għan-nisa.
Li jeżistu l-opportunitajiet ma jiswa xejn sakemm ma jkollniex it-tagħrif u livell edukattiv biex nagħmlu l-aħjar użu minnhom. L-edukazzjoni neċessarja għax-xogħol ma tiġix biss mill-iskola. Il-familja għandha rwol essenzjalli biex trawwem valuri ta’ rispett u responsabilita’ biex uliedhom ikunu kapaċi jaħdmu bħala parti minn team fuq il-post tax-xogħol.
Il-preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol qed tieħu ukoll xejra aktar professjonali. Fl-iskejjel tagħna illum insibu persuni professjonisti biex flimkien mal-istudenti jiffukaw fuq l-għażliet li dawn iridu jagħmlu għall-karriera tagħhom. L-informazzjoni tgħin lill-istudenti biex jagħmlu għażliet infurmati u b’hekk ikollhom aktar ‘serħan il-moħħ’ dwar id-dinja tal-impjieg, li fi żmien ftit snin irridu jidħlu
fiha.
L-impenn tan-nisa fil-qasam tax-xogħol qed ikompli jiżdied għaliex illum il-familji għandhom diversi miżuri biex jgħinuhom jistabilixxu bilanċ tajjeb bejn ir-responsabilitajiet tal-familja mar-responsabilità tax-xogħol. Matul l-aħħar xhur, il-Gvern prezenti kompla wessa’ in-numru ta’ inizjattii favur il-familja għall-ħaddiema fis-settur pubbliku. Zdiedu ukoll l-inċentivi finanzjari.
Ma nistax ma nsemmix il-flexi time, reduced hours, beneficcji pro rata u tnaqqis fit-taxxa għal niesa li jerġgħu lura għax-xogħol wara li jkollhom tarbija. Ir-riżultati qed jidru. Matul dawn l-aħħar ftit xhur żdiedu b’il-fuq minn 1,000 in-nisa li jaħdmu.
F’sena nholqu 6,100 impjieg. Jezistu hafna opportunitajiet . Ejjew inkunu ppreparati biex naħtfu dawn l-opportunitajiet.
Tislijiet
Kate :)