Wednesday, February 27, 2008

Meta nagħtu, nirċievu ħafna.

Minn mindu kont żgħira dejjem attendejt xi għaqda volontarja. Kont nattendi l-għaqda tal-M.U.S.E.U.M fejn barra li għallmuna l-katekeżi kienu wkoll sikwit joħorġuna passiġġati u joħduna l-baħar. Peress li dak iż-żmien ħafna familji ma kellhomx karozza, aħna t-tfal konna nistennew dawn il-ħarġiet b’ħafna entużjażmu u ferħ.

Iżjed tard, bdejt immur ic-Ċentru Parrokkjali fejn kont niltaqa’ ma’ ħafna żgħażagħ oħra. Konna nqattgħu siegħat sħaħ hemmhekk, norgannizzaw dibattiti u diskussjonijiet fuq suġġetti varji, sports, discos, reċti u passiġġati. Kien żmien sabiħ fejn igwadanjana ħafna abilitajiet, ħbiberiji, personalità u valuri.

Minn ħmistax-il sena ’l hawn ilni nagħti l-kontribut tiegħi f’żewġ għaqdiet volontarji – Il-Fondazzjoni Richmond u l-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali - li joffru servizzi fil-komunità, fil-qasam tas-saħħa mentali.

Nikkonsidra wkoll il-ħin li niddedika fil-kamp tal-politika bħala kontribut volontarju għat-tisħiħ tad-demokrazija f’pajjiżna.

Is-soċjetà Maltija hi sinjura fil-volontorjat – għaqdiet mużikali, kultura, sports, sapport, ambjent, politika u ħafna oħrajn.

Mhux ta’ b’xejn li tant nies apprezzaw meta s-sena li għaddiet ġiet fis-seħħ il-Liġi tal-Volontorjat, liġi li tagħti qafas legali lill-għaqdiet volontarji (mhux governattivi). Il-Liġi tassigura għajnuna lill-għaqdiet, kif ukoll trasparenza u kontabilità.

B’riżultat ta’ l-istess liġi inħatar ukoll Kummissarju għall-Organizazzjonijiet Volontarji. L-għaqdiet huma mħajra jirreġistraw mal-Kummissarju billi jimlew applikazzjoni fuq www.mfss.gov.mt jew fl-uffiċċju tal-Kummissarju Blk C Belt is-Sebħ Floriana.

Din il-liġi u s-somma ta’ kwazi 9 miljun ewro mqassma lil uħud mill-għaqdiet volontarji matul dawn l-aħħar ħames snin, huma turija ta’ fiduċja u apprezzament minn naħa tal-Gvern għax-xogħol siewi li jagħmlu dawn l-għaqdiet fis-soċjeta Maltija.

Jien dejjem emmint fil-valur tal-volontorjat, u nħajjar lil kullħadd jipparteċipa f’xi għaqda volontarja. Meta nagħtu, nirċievu ħafna.

Tislijiet

Kate :)