Il-lejla Lawrence ser ikun fuq il-programm Xarabank fuq TVM. Il-programm ser jibda’ iżjed tard mis-soltu u bla dubju, ser nerġgħu ndumu mqajmin! Matul il-ġimgħat tal-kampanja irqadna dejjem tard. Nittama li meta jgħaddi kollox, jirnexxilna nirkupraw l-irqad li tlifna.
Nhar il-Ħamis 6 ta’ Marzu ser jixxandar mill-PBS l-aħħar dibattitu tal-kampanja bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti ewlenin f’pajjiżna. Bħall-lum u nhar il-Ħamis inkun fuq ix-xwiek u jkolli mitt sena sa ma Lawrence ilesti mill-programm
Forsi xi wħud jaħsbu, li dawn il-programmi huma faċli għal min jieħu sehem fihom, peress li dawn imdorrijin jitkellmu fil-pubbliku u allura jrabbu l-kunfidenza. Pero’ nassigurakom li dan mhux minnu. Kull darba, l-protagonisti jeħtieġ jippreparaw ruħhom sewwa għar-risposti, argumenti u kontenut.
Il-kampanja ta’ dawn iż-żminijiet hi bbażata ħafna fuq il-midja – ġurnali, rivisti, radju, television, websites u billboards
Dan ifisser li l-persuna esposta teħtieġ toqgħod attenta aktar mis-soltu għad-dehra tagħha. Jibdew il-pariri dwar ilbies, qomos, ingravajjet …iżda bla dubju l-attenzjoni primarja tiffoka fuq il-kontenut u l-messaġġ li jrid jitwassal lit-telespettaturi, semmiegħa u qarrejja.
Id-dmir u r-responsabilità tal-ġurnalisti hi li jesponu kemm jista’ jkun l-verità tal-fatti. Dan mhux xogħol faċli. Id-demokrazija titlob skrutinju u kredibilità kemm minn-naħa tal-mexxejja kif ukoll minn-naħa tal-gurnalisti.
Nixtieq nieħu l-opportunità nirringrazzja ’l-ġurnalisti u kull persuna nvoluta fil-midja għal kontribut tagħhom biex jgħaddu informazzjoni korretta u ġusta lis-soċjetà.
Tislijiet
Kate :)