Monday, February 25, 2008

Ntaffu l-uġieħ …

Xi ħaġa li lili tweġgħani ħafna huwa l-abbuż. Jeżistu diversi tipi t’abbuż. L-aktar li jweġġgħani huwa l-abbuż fuq it-tfal, sew jekk inhu sesswali, fiżiku jew emozzjonali. Abbużi fuq ommijiet u anzjani ukoll isewwduli qalbi.

Xi jġegħelna nweġgħu lit-tfal meta dawn jiddependu fuq il-ħarsien tagħna l-adulti, lin-nisa u l-irġiel li darba konna għażilna bħala l-maħbubin tagħna u lill-anzjani li rabbewna? Forsi l-egoiżmu, is-suppervja, esperjenzi negattivi, kultura u mentalità żbaljata? Kif nistgħu ngħinu biex inwaqqfu l-abbuż?

Fl-2006 il-Parliament għadda il-liġi dwar il-Vjolenza Domestika, li titratta l-abbużi fil-familja. Din il-liġi tipproteġi l-vittmi u tagħti l-possibilità ta’ trattament lil min joħloq l-abbuż. Permess ta’ l-istess liġi ġiet stabbilita il-Kummissjoni għal Vjolenza Domestika biex teduka u toħloq kuxjenza, tiddentifika l-abbuż, issir riċerka, tara li jinħolqu servizzi adekwati, torganizza t-taħriġ ta’ professjonisti li jaħdmu flimkien b’għan wieħed u tagħti pariri lill-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali. Dan huwa żvilupp importanti, iżda xorta baqa ħafna x’nagħmlu. Hemm bżonn li aħna wkoll nagħtu sehemna billi ma nittolleraw l-ebda forma ta’ abbuż, u nitolbu l-għajnuna għal persuni li huma vittmi b’xi mod jew ieħor.

Jeżistu abbużi oħra fis-soċjetà… meta ma ngħatux is-sigħat tax-xogħol li aħna mħallsa għalihom, abbużi ta’ min iħaddem u jisfrutta l-ħaddiema tiegħu, abbużi meta b’qerq nieħdu benefiċċji soċjali mhux mistħoqqa lilna, abbużi fi promozzjonijiet bi ħsara għal ħaddiehor.

Kemm hu sabiħ li nwettqu l-ġid fil-familji u l-kommunità. Ejjew nirrispettaw lil xulxin fil-familja, fuq ix-xogħol, fid-divertiment … kullimkien. Hu possibbli ninbidlu għall-aħjar. Il-weġgħat jistgħu jittaffew jekk infittxu l-għajnuna …u ħajjitna tkun aħjar.
Tislijiet,
Kate :)